Menu Close

Il-Kredu Atanasjan

1. Kull min jixtieq ikun salvat, jeħtieġlu fuq kollox iżomm il-fidi Kattolika. 2. Jekk wieħed ma jippriżervahiex perfetta u bla mittiefsa ċertament jintilef għal dejjem.

3. Issa l-fidi Kattolika hi din: inqimu Alla wieħed fi trinita’, u trinita’ f’unita’. 4. bla ma nħawwdu l-Persuni, jew nisseparaw is-sustanza. 5. Għax il-Persuna tal-Missier waħda, ta’ l-Iben oħra, u ta’ l-Ispirtu s-Santu oħra. 6. Iżda tal-Missier, ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu hemm divinita’ waħda, glorja ugwali u majesta’ ko-eterna.

7. Dak li l-Missier hu, l-istess hu l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. 8. Il-Missier mhux maħluq, l-Iben mhux maħluq, l-Ispirtu s-Santu mhux maħluq. 9. Il-Missier hu bla qies, l-Iben bla qies, l-Ispirtu s-Santu bla qies. 10. Il-Missier hu etern, l-Iben etern, l-Ispirtu s-Santu etern. 11. U madankollu mhemmx tlett eterni, iżda etern wieħed. 12. Hekk ukoll mhemmx tlett esseri mhux maħluqa, lanqas tlett esseri bla qies, iżda wieħed biss mhux maħluq u bla qies.

13. Bl-istess mod il-Missier hu omnipotenti, l-Iben hu omnipotenti, l-Ispirtu s-Santu hu omnipotenti. 14. U madankollu mhemmx tlett omnipotenti, iżda wieħed omnipotenti. 15. Hekk il-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla, l-Ispirtu s-Santu hu Alla. 16. U madankollu mhemmx tlett Allat, iżda Alla wieħed. 17. Hekk il-Missier hu Sid, l-Iben hu Sid, l-Ispirtu s-Santu hu Sid. 18. U madankollu mhemmx tlett Sidien, iżda Sid wieħed.

19. Għax bħalma aħna hekk imġegħla mill-verita’ Kristjana nistqarru kull Persuna li hi Alla u Sid, hekk aħna projbiti mir-reliġjon Kattolika milli ngħidu li hemm tlett Allat jew Sidien. 20. Il-Missier ma kien magħmul minn ħadd, lanqas maħluq, lanqas imnissel. 21. L-Iben hu mill-Missier biss, la magħmul, lanqas maħluq, iżda mnissel. 22. L-Ispirtu s-Santu hu mill-Missier u l-Iben, la magħmul, la maħluq u lanqas imnissel, iżda jipproċiedi.

23. Għalhekk hemm Missier wieħed, mhux tlett missirijiet; Iben wieħed, mhux tlett ulied; Spirtu s-Santu wieħed, mhux tlett Spirti s-Santi. 24. U f’din it-trinita’ l-ebda wieħed mhu l-ewwel jew l-aħħar, ebda wieħed ikbar jew inqas. 25. Iżda t-tlett Persuni ko-eterni kollha huma ko-ugwali fosthom infushom; biex hekk kollha għandhom ikunu meqjuma, kif magħdud hawn fuq, kemm unita’ fi trinita’, u trinita’ f’unita’. 26. Għalhekk, min jixtieq ikun salvat għandu jaħseb hekk rigward it-trinita’.

27. Iżda hu meħtieġ ukoll għas-salvazzjoni eterna li jemmen fedelment fl-inkarnazzjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. 28. Hi għalhekk fidi vera li nemmnu u nistqarru li Sidna Ġesu’ Kristu hu kemm Alla kif ukoll bniedem. 29. Hu Alla, iġġenerat mill-eternita’ mis-sustanza tal-Missier; bniedem, imwieled fiż-żmien mis-sustanza ta’ ommu. 30. Alla perfett, bniedem perfett, b’ruħ raġonevoli u ġisem uman. 31. Ugwali mal-Missier rigward id-divinita’ tiegħu, inqas mill-Missier rigward l-umanita’ tiegħu.

32. Għalkemm hu Alla u bniedem, mhux tnejn iżda Kristu wieħed. 33. Iżda wieħed, mhux mill-konverżjoni tad-divinita’ tiegħu għall-ġisem, iżda mill-assunzjoni tal-umanita’ tiegħu f’Alla. 34. Wieħed, b’ebda mod minħabba taħlit ta’ sustanza, iżda minħabba l-unita’ tal-persuna. 35. Għax bħalma ruħ raġonevoli u ġisem hu bniedem wieħed, hekk Alla u bniedem hu Kristu wieħed.

36 Hu bata għas-salvazzjoni tagħna, niżel f’Ħades, it-tielet jum qam minn bejn l-imwiet. 37. Tela’ fis-smewwiet, qiegħed fuq il-leminija t’Alla l-Missier omnipotenti, minn fejn għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u l-mejtin. 38. Mal-miġja tiegħu l-bnedmin kollha jqumu bil-ġisem tagħhom, u jagħtu kont ta’ l-egħmejjel tagħhom. 39. U dawk li jkunu għamlu t-tajjeb imorru fil-ħajja eterna; dawk li jkunu għamlu l-ħażen fin-nar etern.

40. Din hi l-fidi Kattolika: jekk bniedem ma jemminhiex fedelment u fis-sod, ma jistax ikun salvat.

Copied by permission.

Traduzzjoni ta’ Paul Mizzi. Il-jeddijiet kollha mizmuma.
Ebda parti minn dan il-ktieb ma tista’ tigi riprodotta f’xi forma
minghajr il-permess bil-miktub tat-traduttur (http://www.tecmalta.org/).

Għal aktar kitbiet bil-Malti ikklikkja hawn.

Per risorse in italiano, clicca qui.

Show Buttons
Hide Buttons