Menu Close

Il-Qwienen ta’ Dort

Traduzzjoni ta’ Paul Mizzi

Formalment Intitolati Id-Deċiżjoni Tas-Sinodu Ta’ Dort Fuq Il-Ħames Punti Ewlenin Ta’ Dottrina Disputata Fl-Olanda

L-Ewwel Punt Ewlieni Ta’ Dottrina

L-Għażla Divina U R-Reprobazzjoni

Il-Ġudizzju Rigward Il-Predestinazzjoni Divina Li S-Sinodu Jiddikjara Li Jaqbel Mal-Kelma T’Alla U Milqugħ S’Issa Fil-Knejjes Riformisti ,Imqassam F’Diversi Artikli

Artiklu 1: ID-DRITT T’ALLA LI JIKKUNDANNA N-NIES KOLLHA

Ladarba l-bnedmin kollha dinbu f’Adam u ġew taħt is-sentenza tas-saħta u l-mewt eterna, Alla ma kien ikun għamel inġustizzja ma’ ħadd kieku kienet ir-rieda tiegħu li jħalli r-razza umana kollha fid-dnub u taħt is-saħta, u jikkundannaha minħabba d-dnub. Bħalma jgħid l-Appostlu: “Sabiex kull fomm jintebaq u d-dinja kollha ssir kolpevoliquddiem Alla” (Rum. 3:19); “Għax kollha dinbu u jonqsu mill-glorja t’Alla” (Rum. 3:23). U “Il-paga tad-dnub hi l-mewt” (Rum. 6:23).

Artiklu 2: IL-MANIFESTAZZJONI TA’ L-IMĦABBA T’ALLA

Imma f’dan kienet murija l-imħabba t’Alla, illi bagħat ‘l Ibnu Uniġenitu fid-dinja, biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja eterna (I Ġw. 4:9; Ġw. 3:16).

Artiklu 3: IX-XANDIR TA’ L-EVANĠELJU

U biex in-nies jaslu biex jemmnu, Alla fi ħnientu jibgħat il-messaġġiera ta’ din il-bxara mill-iżjed ħienja lil min irid u f’liema żmien jogħġbu. Bil-ministeru tagħhom in-nies jissejħu għall-indiema u fidi fi Kristu mislub. “Kif mela jistgħu jsejħu lil dak li ma emmnux fih? U kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? U kif jistgħu jisimgħu mingħajr dak li jipproklama? U kif jistgħu jipproklamaw jekk ma jintbagħtux?” (Rum. 10:14-15).

Artiklu 4: REAZZJONI DOPPJA GĦALL-EVANĠELJU

L-għadab t’Alla jibqa’ fuq dawk li ma jemmnux dan l-evanġelju; imma dawk li jilqgħuh, u jħaddnu lil Ġesu’ s-Salvatur b’fidi ġenwina u ħajja, huma meħlusa minnu mir-rabja t’Alla u mill-qirda, u jirċievu l-għotja tal-ħajja eterna.

Artiklu 5: L-GĦEJJUN TA’ L-INKREDULITA’ U TAL-FIDI

Il-kawża jew tort ta’ dan in-nuqqas ta’ twemmin, kif ukoll tad-dnubiet l-oħra kollha, b’ebda mod ma jinsab f’Alla, iżda fil-bniedem innifsu; mill-banda l-oħra, il-fidi f’Ġesu’ Kristu u s-salvazzjoni permezz tiegħu hi d-don b’xejn t’Alla, bħalma hu miktub: “Bil-grazzja intom salvati permezz tal-fidi; u din mhix minnkom infuskom, hi l-għotja t’Alla” (Ef. 2:8). Ukoll: “Ingħatalkom gratwitment għal Kristu, mhux biss li temmnu fih iżda wkoll tbatu għalih” (Fil. 1:29).

Artiklu 6: ID-DEĊIŻJONI ETERNA T’ALLA

Jerġa’, il-fatt li xi wħud matul għomorhom jirċievu l-għotja tal-fidi mingħand Alla, u oħrajn ma jirċivuhiex, jipproċiedi mid-digriet etern t’Alla. “Għax magħrufin għal Alla huma l-għemejjel kollha tiegħu mill-bidu tad-dinja” (Atti 15:18). “Li jopera l-ħwejjeġ kollha skond il-għan tar-rieda tiegħu” (Ef. 1:11). Skond din ir-riżoluzzjoni, bil-grazzja tiegħu jrattab il-qlub, stinati kemm huma stinati, tal-magħżulin tiegħu, u jinklinahom biex jemmnu. Imma fil-ġudizzju ġust tiegħu jħalli lil dawk mhux magħżula fi ħżunithom u l-ebusija ta’ qalbhom. U hawnhekk hu esibit speċjalment l-att tiegħu – profond u ħanin daqskemm hu ġust – li jiddiskrimina bejn il-bnedmin ugwalment involuti fir-rovina. Dan hu d-digriet ta’ l-għażla u r-reprobazzjoni, rivelat fil-Kelma t’Alla, li għalkemm in-nies b’moħħhom pervers, impur, u instabbli jgħawwġuh għad-destruzzjoni tagħhom infushom, madankollu għall-erwieħ qaddisa u reverenti jipprovdi faraġ ineffabbli.

Artiklu 7: L-GĦAŻLA

L-għażla hi l-għan li ma jinbidilx t’Alla, li bih, qabel it-tisjis tad-dinja, sforz il-grazzja pura tiegħu, skond l-għoġba sovrana u tajba tar-rieda tiegħu stess, għażel mir-razza umana kollha, li kienet waqgħet fid-dnub u l-qirda bi ħtija tagħha mill-istat oriġinali ta’ rettitudni, ċertu għadd definit ta’ persuni għall-fidwa fi Kristu, li mill-eternita’ kien ħatru bħala l-Medjatur u r-Ras tal-magħżulin, u l-pedament tas-salvazzjoni tagħhom.

Għalkemm minn natura mhumiex aħjar jew jistħoqqilhom aktar mill-bqija, imma magħhom involuti f’miżerja waħda komuni, Alla ddigrieta li jagħti dawn il-magħżulin lil Kristu biex ikunu salvati minnu, u effettivament isejjħilhom u jiġbidhom fil-komunjoni tiegħu bil-Kelma u l-Ispirtu tiegħu; biex jagħtihom fidi vera, biex jiġġustifikahom, u biex iqaddishom; u wara li jkun bis-setgħa priżervahom fix-xirka ta’ Ibnu, finalment jigglorifikahom biex jesibixxi l-ħniena tiegħu, ugħat-tifħir ta’ l-għana tal-grazzja glorjuża tiegħu, kif inhu miktub: “Bħalma għażilna fih qabel il-pedament tad-dinja ħalli nkunu qaddisin u bla difett quddiemu, fl-imħabba ppredestinana għall-adozzjoni permezz ta’ Ġesu’ Kristu għalih innifsu, skond l-għoġba tar-rieda tiegħu, għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha ffavoriena fil-Maħbub” (Ef. 1:4-6). U band’ oħra: “Lil min ippredestina, lil dawn ukoll sejjaħ; u lil min sejjaħ, lil dawn ukoll iġġustifika; u lil min iġġustifika, lil dawn ukoll igglorifika” (Rum. 8:30).

Artiklu 8: DEĊIŻJONI WAĦDA TA’ L-GĦAŻLA

Ma jeżistux diversi digrieti ta’ l-għażla, imma digriet wieħed biss rigward dawk kollha li għandhom ikunu salvati kemm fil-Patt il-Qadim kif ukoll fil-Ġdid. Għax l-Iskrittura tiddikjara li l-għoġba tajba, l-għan, u l-fehma tar-rieda divina huma wieħed, u skond dan għażilna mill-eternita’, kemm għall-grazzja kif ukoll għall-glorja, kemm għas-salvazzjoni kif ukoll għall-mogħdija tas-salvazzjoni, li hu ħejja minn qabel biex nimxu fiha.

Artiklu 9: L-GĦAŻLA MHIX IBBAŻATA FUQ IL-FIDI LI ALLA RA MINN QABEL

Din l-għażla ma kinitx imsejjsa fuq il-fidi prevista, lanqas fuq l-ubbidjenza li tiġi mill-fidi, jew fuq il-qdusija, jew kwalunkwe kwalita’ jew dispożizzjoni tajba, bħala l-kawża jew kondizzjoni prerekwiżita fil-persuna li kellha tkun magħżula; imma hi għażla għall-fidi, u l-ubbidjenza tal-fidi, għall-qdusija, u l-bqija. Għaldaqstant l-għażla hi l-għajn ta’ kull benefiċċju salviviku. Il-fidi, il-qdusija, u l-għotjiet l-oħra tas-salvazzjoni, u finalment il-ħajja eterna nfisha, inixxu mill-għażla bħala l-frott u l-effetti tagħha. Bħalma jgħid l-Appostlu: “Għażilna fih (mhux għax konna, iżda) ħalli nkunu qaddisin u bla difett quddiemu, fl-imħabba ppredestinana” (Ef. 1:4).

Artiklu 10: L-GĦAŻLA BBAŻATA FUQ L-GĦOĠBA TAJBA T’ALLA

Tabilħaqq, l-għoġba tajba t’Alla hi l-unika kawża ta’ din l-għażla bla mistħoqqa; ma tikkonsistix filli Alla, billi jara minn qabel il-kwalitajiet kollha possibbli u l-azzjonijiet umani, għażel xi wħud minn dawn bħala kondizzjoni għas-salvazzjoni; imma li għoġbu jadotta ċerti persuni bħala poplu pekuljari għalih innifsu mill-massa komuni ta’ midinbin. Bħalma nsibu fl-Iskrittura: “Għax it-tewmin kienu għadhom ma twildux u lanqas jipprattikaw xi ħaġa tajba jew ħażina, sabiex il-proponiment t’Alla skond l-għażla jibqa’, mhux mill-opri iżda minn dak li jsejjaħ, intqalilha, ‘Il-kbir se jaqdi ż-żgħir;’ eżattament kif inhu miktub: ‘Ħabbejt lil Ġakobb, imma bgħadt lil Għeżaw'” (Rum. 9:11-13). Ukoll: “Dawk kollha maħturin għall-ħajja eterna emmnu” (Atti 13:48).

Artiklu 11: L-GĦAŻLA HI IMMUTABBLI

U bħalma Alla nnifsu hu l-aktar għaref, ma jinbidilx, jaf kollox, u jista’ kollox, hekk l-għażla magħmula minnu la tista’ tkun interrotta u lanqas mibdula, la revokata u lanqas annullata; u lanqas jistgħu l-maħturin ikunu mormija, jew l-għadd tagħhom jonqos.

Artiklu 12: L-ASSIGURAZZJONI TA’ L-GĦAŻLA

Il-magħżulin t’Alla, fiż-żmien imwaqqat minnu, għalkemm fi gradi diversi u f’miżuri differenti, jottienu l-assigurazzjoni ta’ din l-għażla eterna u immutabbli tagħhom, mhux billi jindaħlu b’mod inkwiżittiv fil-ħwejjeġ sigrieti u fondi t’Alla, imma billi josservaw fihom infushom, b’ferħ spiritwali u għaxqa qaddisa, il-frottijiet infallibbli ta’ l-għażla kif murija fil-Kelma t’Alla – bħalma huma fidi vera fi Kristu, biża’ reverenti bħal tat-tfal lejn Alla, swied il-qalb kif irid Alla għad-dnub, tiġwiħ u għatx għall-ġustizzja, u l-bqija.

Artiklu 13: IL-FROTT TA’ DIN L-ASSIGURAZZJONI

Is-sens u ċ-ċertezza ta’ din l-għażla jaffordjaw lil ulied Alla raġun addizzjonali biex jumiljaw lilhom infushom kuljum quddiemu, jaduraw l-għammieq tal-ħniniet tiegħu, jippurifikaw lilhom infushom, u jirreċiprokaw b’imħabba ardenti lejn Alla li ħabbhom l-ewwel b’imħabba hekk kbira. Il-konsiderazzjoni ta’ din id-dottrina ta’ l-għażla u r-riflessjoni fuqha b’ebda mod ma tagħmel lil ulied Alla laxki fl-osservanza tal-kmandamenti divini jew inkella tħajjarhom jegħrqu f’sigurta’ karnali. Fil-ġudizzju ġust t’Alla dawn is-soltu huma l-effetti ta’ preżunzjoni bla kont jew tbagħbis imqareb u ardit mal-grazzja ta’ l-għażla, f’dawk li jirrifjutaw li jimxu fil-mogħdijiet tal-magħżulin.

Artiklu 14: IX-XANDIR XIERAQ TA’ L-GĦAŻLA

Bħalma d-dottrina ta’ l-għażla divina skond il-fehma l-iżjed għarfa t’Alla kienet dikjarata mill-profeti, minn Kristu nnifsu, u mill-appostli, u hi rivelati ċar fl-Iskritturi kemm tal-Patt il-Qadim kif ukoll tal-Ġdid, hekk għandha tibqa’ tkun mgħallma f’ħinha u f’postha fil-knisja t’Alla, li għaliha kienet speċifikament intenzjonata – b’reverenza, bi spirtu ta’ diskrezzjoni u qima, għas-sebħ ta’ l-isem l-aktar qaddis t’Alla, u għall-faraġ ħaj ta’ niesu, mingħajr ebda attentat fieragħ li jkunu investigati l-mogħdijiet sigrieti ta’ l-Ogħla (Atti 20:27).

Artiklu 15: IR-REPROBAZZJONI

Barra minn hekk, it-testimonjanza espliċita ta’ l-Iskrittura sagra tissokta b’mod partikolari biex tillustra u tirrikmandalna l-grazzja eterna u mhix meritata ta’ l-għażla, fil-fatt li mhux il-bnedmin kollha huma magħżula, iżda xi wħud mhumiex magħżula, jew huma mwarrba fl-għażla eterna t’Alla. Bl-għoġba tajba u sovrana, l-iżjed ġusta, irreprensibbli u immutabbli tiegħu, Alla ddigrieta li jħallihom fil-miżerja komuni li fiha għarrqu lilhom infushom ħtija tagħhom, u ma jagħnihomx bil-grazzja tal-fidi salvivika u l-konverżjoni; imma huma mitluqa fi triqathom u taħt il-ġudizzju ġust tiegħu; finalment, sabiex jiddikjara l-ħaqq tiegħu, jikkundannahom u jikkastigahom għall-eternita’, mhux biss minħabba l-inkredulita’ tagħhom, imma wkoll għal dnubiethom l-oħra kollha. U dan hu d-digriet tar-reprobazzjoni li b’ebda mod ma jagħmel ‘l Alla l-awtur tad-dnub (l-istess ħsieb huwa dagħwa), imma jiddikjarah bħala mħallef u vendikatur tal-biża’, irreprensibbli u ġust, tad-dnub.

Artiklu 16: REAZZJONIJIET GĦAT-TAGĦLIM TAR-REPROBAZZJONI

Dawk li għadhom m’esperjenzawx fidi ħajja fi Kristu, konfidenza assigurata fir-ruħ, sliem fil-kuxjenza, tħabrik imħeġġeġ għall-ubbidjenza bħal tat-tfal, u ftaħir f’Alla permezz ta’ Kristu, maħduma fihom effettivament, u madankollu jippersistu fl-użu tal-mezzi li Alla ħatar biex jaħdem dawn il-grazzji fina, m’għandhomx għalfejn ikunu allarmati kif jisimgħu bir-reprobazzjoni, u lanqas jgħoddu lilhom infushom fost ir-reprobati. Aktarx għandhom jipperseveraw bi bżulija fl-użu tal-mezzi, u b’desiderji ardenti, b’devozzjoni u umilta’, jistennew staġun ta’ grazzja iżjed abbondanti. Wisq inqas raġun għandhom ikunu mwerwra bid-dottrina tar-reprobazzjoni, li għalkemm jixtiequ bis-serjeta’ li jiddawwru lejn Alla, jogħġbu lilu waħdu, u jkunu meħlusa mill-ġisem tal-mewt, ma jistgħux għalissa jilħqu dik il-miżura ta’ qdusija u fidi li jaspiraw għaliha, peress li Alla ħanin wiegħed li ftila ddaħħan ma jitfihiex, u lanqas jikser qasba mġelġla. Imma din id-dottrina hi ġustament terribbli għal dawk li jinsew ‘l Alla u s-Salvatur Ġesu’ Kristu, u abbandunaw lilhom infushom għat-tħassib tad-dinja u l-pjaċir tal-laħam, sakemm jibqgħu ma jikkonvertux serjament lejn Alla.

Artiklu 17: IS-SALVAZZJONI TAT-TRABI TAL-FIDILI

Ladarba jmissna nagħmlu ġudizzju dwar ir-rieda t’Alla mill-Kelma tiegħu, li tixhed li wlied il-fidili huma qaddisa, mhux minn natura, imma minħabba l-patt tal-grazzja, li fih huma flimkien mal-ġenituri tagħhom huma miġbura, ġenituri twajba m’għandhomx għalfejn jiddubitaw l-għażla u s-salvazzjoni ta’ wliedhom li Alla jogħġbu jsejjħilhom minn din il-ħajja fl-infanzja.

Artiklu 18: L-ATTITUDNI XIERQA LEJN L-GĦAŻLA U R-REPROBAZZJONI

Dawk li jilmentaw dwar il-grazzja ta’ l-għażla ħielsa, u s-severita’ tar-reprobazzjoni ġusta, inweġbuhom bi kliem l-Appostlu: “O bniedem, int min int li tirrispondi kontra Alla?” (Rum. 9:20), u nikkwotaw ukoll lis-Salvatur tagħna: “Ewwilla mhux permess għalija nagħmel li rrid bi ħwejġi?” (Mt. 20:15). U għalhekk b’adorazzjoni qaddisa għal dawn il-misteri, nesklamaw ma’ l-Appostlu: “O l-fond ta’ l-għana u ta’ l-għerf u tat-tagħrif t’Alla; kemm huma inskrutabbli l-ġudizzji tiegħu u intraċċabbli triqatu! Għax min kien jaf moħħ is-Sid? Jew min sar konsulent tiegħu? Jew min tah minn qabel, u se jkun irrikumpensat lilu? Għax minnu u permezz tiegħu u għalih huma l-ħwejjeġ kollha; lilu l-glorja għal dejjem: Amen” (Rum. 11:33-36).

Rifjutar Ta’ L-Erruri

Wara li fissirna d-dottrina ortodossa dwar l-Għażla u r-Reprobazzjoni, aħna bħala Sinodu:

I

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li r-rieda t’Alla li jsalva ‘l dawk li kellhom jemmnu u jipperseveraw fil-fidi u fl-ubbidjenza tal-fidi, hu d-digriet ta’ l-għażla għas-salvazzjoni, sħiħ u intier, u li xejn iżjed rigward dan id-digriet mhu rivelat fil-Kelma t’Alla.

Għax dawn iqarrqu b’nies sempliċi u jikkontradixxu l-Iskritturi fil-beraħ, li jiddikjaraw li Alla mhux biss isalva ‘l dawk li jemmnu, imma wkoll li mill-eternita’ għażel ċerti persuni partikolari li lilhom, aktarx milli lill-oħrajn, fiż-żmien jagħtihom kemm il-fidi fi Kristu u l-perseveranza; kif inhu miktub: “Immanifestajt ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja” (Ġw. 17:6). “Dawk kollha maħturin għall-ħajja ta’ dejjem emmnu” (Atti 13:48). U: “Bħalma għażilna fih qabel il-pedament tad-dinja, ħalli nkunu qaddisin u bla difett quddiemu, fl-imħabba ppredestinana” (Ef. 1:4).

II

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li hemm diversi xorta ta’ l-għażla t’Alla għall-ħajja eterna: waħda ġenerali u indefinita, l-oħra partikolari u definita; u li din ta’ l-aħħar jerġa’ hi inkompluta, revokabbli, non-deċiżiva u kondizzjonali, jew inkella kompluta, irrevokabbli, deċiżiva u assoluta. Jerġa’ wkoll, li jgħallmu li hemm għażla waħda għall-fidi, u oħra għas-salvazzjoni, hekk li l-għażla tista’ tkun għall-fidi li tiġġustifika, mingħajr ma tkun għażla deċiżiva għas-salvazzjoni.

Għax dan hu stħajjil tal-moħħ uman, ivvintat apparti mill-Iskritturi, li bih id-dottrina ta’ l-għażla hi mħassra, u taqta’ l-katina dehbija tas-salvazzjoni tagħna: “Lil min ippredestina, lil dawn ukoll sejjaħ; u lil min sejjaħ, lil dawn ukoll iġġustifika; u lil min iġġustifika, lil dawn ukoll igglorifika” (Rum. 8:30).

III

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-għoġba tajba u l-għan t’Alla, li l-Iskrittura ssemmi fid-dottrina tagħha dwar l-għażla, ma tikkonsistix filli Alla jagħżel ċerti individwi aktarx milli oħrajn, imma filli għażel, mill-kondizzjonijiet kollha possibbli (li fosthom hemm ukoll l-għemejjel tal-liġi), jew mill-ordni sħiħ tal-ħwejjeġ, l-att tal-fidi li minn natura tiegħu stess hu bla mertu, kif ukoll l-ubbidjenza imperfetta tiegħu, bħala kondizzjoni tas-salvazzjoni; u tinvolvi wkoll li bi grazzja jikkonsidra dan fih innifsu bħala ubbidjenza kompluta u jgħoddha bħala denja tal-premju tal-ħajja eterna.

Għax b’dan l-errur inġurjuż l-għoġba t’Alla u l-merti ta’ Kristu jisfaw bla effett, u n-nies jinġibdu ‘l hemm bi kwistjonijiet bla siwi mill-verita’ ta’ ġustifikazzjoni mhix mistħoqqa u mis-sempliċita’ ta’ l-Iskrittura. Barra minn hekk titgiddeb id-dikjarazzjoni ta’ l-Appostlu: “(Alla) salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux skond l-għemejjel tagħna iżda skond il-proponiment u l-grazzja tiegħu stess, mogħtija lilna fi Kristu Ġesu’ qabel il-bidu taż-żminijiet” (II Tim. 1:9).

IV

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li fl-għażla għall-fidi hemm din il-kondizzjoni prerekwiżita, jiġifieri, li l-bniedem irid juża sewwa d-dawl tan-natura, juri reverenza, umilta’, manswetudini, u jkun dispost għall-ħajja eterna, bħallikieku l-għażla b’xi mod jew ieħor tiddependi fuq dawn il-fatturi.

Għax dan itiegħem bħat-tagħlim ta’ Pelagius, u jinsab f’oppożizzjoni għad-dottrina ta’ l-Appostlu, fejn jikteb: “Li fosthom ukoll aħna lkoll ġibna ruħna darba fil-leblibiet ta’ laħamna, nagħmlu x-xewqat tal-laħam u tal-fehmiet, u konna minn natura tfal tar-rabja wkoll bħall-bqija; imma Alla li hu għani fil-ħniena, sforz l-imħabba kbira tiegħu li biha ħabbna, saħansitra meta konna mejtin fl-offiżi għajjixna flimkien mal-Kristu, – bil-grazzja intom salvati, – u qajjimna flimkien u poġġiena flimkien fis-smewwiet fi Kristu Ġesu’, sabiex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana eċċessiva tal-grazzja tiegħu fil-beninnita’ lejnna fi Kristu Ġesu’. Għax bil-grazzja intom salvati permezz tal-fidi; u din mhix minnkom infuskom, hi l-għotja t’Alla; mhux mill-għemejjel, sabiex ħadd ma jiftaħar” (Ef. 2:3-9).

V

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-għażla inkompluta u nonperentorja ta’ persuni partikolari għas-salvazzjoni seħħet minħabba fidi prevista, jew konverżjoni, qdusija, tjieba, li bdew jew issoktaw għal xi żmien; imma li l-għa��la kompluta u perentorja seħħet minħabba perseveranza prevista sa l-aħħar fil-fidi, jew minħabba konverżjoni, qdusija u tjieba; u li dan hu d-den evanġeliku u ta’ grazzja, li minħabba fih dak magħżul, hu iżjed denju minn dak mhux magħżul; u li allura l-fidi, l-ubbidjenza tal-fidi, il-qdusija, it-tjieba u l-perseveranza mhumiex frottijiet ta’ l-għażla immutabbli għall-glorja, imma huma kondizzjonijiet, li, billi huma rikjesti minn qabel, kienu previsti li ntlaħqu minn dawk li għandhom ikunu magħżula għalkollox, u huma kawżi li mingħajrhom l-għażla immutabbli għall-glorja ma sseħħx.

Dan jikkumbatti kontra l-Iskrittura kollha, li kostantement ittambar fuq widnejna u qlubna dawn id-dikjarazzjonijiet u oħrajn simili: L-għażla mhix mill-opri, imma minn dak li jsejjaħ (Rum. 9:11-12). “Dawk kollha maħturin għall-ħajja ta’ dejjem emmnu” (Atti 13:48). “Għażilna fih qabel il-pedament tad-dinja, ħalli nkunu qaddisin” (Ef. 1:4). “Mhux intom għażiltuni, iżda jien għażiltkom” (Ġw. 15:16). “Jekk bi grazzja, mhux iżjed mill-għemejjel” (Rum.11:6). “F’dan hi l-imħabba, mhux illi aħna ħabbejna ‘l Alla, iżda illi hu ħabbna u bagħat ‘l Ibnu” (I Ġw. 4:10).

VI

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li mhux kull għażla għas-salvazzjoni hi immutabbli, imma li xi wħud mill-magħżulin, bla ebda digriet t’Alla biex jipprevieni dan, jistgħu xorta waħda jintilfu u difatti jintilfu eternament.

B’dan l-errur faħxi jagħmlu ‘l Alla mutabbli, jeqirdu l-faraġ li t-tajbin jottienu mill-fermezza ta’ l-għażla tagħhom, u jikkontradixxu l-Iskrittura Mqaddsa, li tgħallem li l-maħturin ma jistgħux ikunu mqarrqa (Mt. 24:24); li Kristu ma jitlifx lil dawk li l-Missier tah (Ġw. 6:39); u li Alla gglorifika wkoll lil dawk li ppredestina, sejjaħ, u ġġustifika (Rum. 8:30).

VII

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li f’din il-ħajja m’hemm ebda frott jew tagħrif konxju ta’ l-għażla immutabbli għall-glorja, u lanqas ebda ċertezza, ħlief dik li tiddependi fuq kondizzjoni mutabbli u kontinġenti.

Għax mhux biss hi ħaġa assurda titkellem dwar ċertezza inċerta, imma wkoll kuntrarju għall-esperjenza tal-qaddisin, li minħabba li huma konxji ta’ l-għażla tagħhom jifirħu ma’ l-Appostlu u jfaħħru dan il-favur t’Alla (Ef. 1); li skond l-eżortazzjoni ta’ Kristu jithennew mad-dixxipli tiegħu li ismijiethom huma miktuba fis-smewwiet (Lq. 10:20); li wkoll iqiegħdu l-għarfien ta’ l-għażla tagħhom kontra l-vleġeġ jaħarqu tax-xitan, billi jistaqsu: “Min se jixli xi ħaġa kontra l-magħżulin t’Alla?” (Rum. 8:33).

VIII

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li ma kienx fuq il-bażi tar-rieda ġusta tiegħu waħidha li Alla ddeċieda li jħalli lil xi ħadd fil-waqgħa ta’ Adam u fl-istat komuni tad-dnub u kundanna jew li jaqbeż lil xi ħadd fil-komunikazzjoni tal-grazzja meħtieġa għall-fidi u l-konverżjoni.

Għax din il-verita’ hi stabbilita: “Hekk mela jħenn għal min irid, imma lil min irid iwebbes” (Rum. 9:18). Kif ukoll din: “Lilkom hu mogħti li tkunu tafu l-misterji tas-saltna tas-smewwiet, imma lil dawk mhux mogħti” (Mt. 13:11). Bl-istess mod: “Niżżik ħajr, Missier, Sid is-sema u l-art, għax ħbejt dawn il-ħwejjeġ mill-għorrief u l-intelliġenti, u rrivelajthom lill-infantili; iva, Missier, għax hekk kienet l-għoġba quddiemek” (Mt. 11:25-26).

IX

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li r-raġuni għala Alla jibgħat l-evanġelju lit-tali ġens aktarx milli lill-ieħor ma tinstabx sempliċament u unikament fl-għoġba tajba t’Alla, imma aktarx fil-fatt li nazzjon wieħed hu aħjar u aktar denju mill-ieħor li l-evanġelju jibqa’ mhux komunikat lilu.

Għax Mose’ jikkontradixxi dan meta jindirizza l-poplu ta’ Iżrael kif ġej: “Ara, is-sema, u s-sema tas-smewwiet, huma tal-Mulej, Alla tiegħek, u l-art ukoll, b’kulma fiha; madankollu, il-Mulej inġibed biss għal missirijietek, u ħabbhom; u għażel nisilhom warajhom, intom fuq il-popli kollha, bħalma hu llum” (Dewt. 10:14-15). Kif ukoll Kristu: “Gwaj għalik, Korażin; gwaj għalik, Betsajda; għax kieku saru s-setgħat f’Tir u Sidon li saru fikom, ilhom li nidmu bix-xoqqa tax-xkora u l-irmied” (Mt. 11:21).

 

It-Tieni Punt Ewlieni Ta’ Dottrina

Il-Mewt Ta’ Kristu U L-Fidwa Tal-Bniedem Biha

Artiklu 1: IL-KASTIG LI L-ĠUSTIZZJA T’ALLA TIRREKJIEDI

Alla mhux biss hu supremament ħanin, imma wkoll supremament ġust. U l-ġustizzja tiegħu tirrekjiedi (kif irrevela lilu nnifsu fil-Kelma) illi dnubietna magħmula kontra l-majesta’ infinita tiegħu jkunu kkastigati mhux biss b’kastig temporali iżda wkoll etern, kemm fil-ġisem u r-ruħ. U ma nistgħux naħarbuh jekk kemm-il darba ma jsirx sodisfazzjon għall-ġustizzja t’Alla.

Artiklu 2: IS-SODISFAZZJON MAGĦMUL MINN KRISTU

Ladarba, allura, m’aħniex kapaċi nagħmlu dan is-sodisfazzjon fil-persuni tagħna, u lanqas neħilsu lilna nfusna mill-għadab t’Alla, fil-ħniena bla qies tiegħu tana ‘l Ibnu Uniġenitu bħala Pleġġ, li kien magħmul dnub, u sar saħta għalina u minflokna fuq is-salib, biex jagħti sodisfazzjon f’isimna lill-ġustizzja divina.

Artiklu 3: IL-VALUR INFINIT TAL-MEWT TA’ KRISTU

Il-mewt ta’ Bin Alla hi l-uniku sagrifiċċju u sodisfazzjon perfettissmu għad-dnub; hi ta’ siwi u valur infinit, abbondantament suffiċjenti biex iservi ta’ espjazzjoni għad-dnubiet tad-dinja kollha.

Artiklu 4: RAĠUNIJIET GĦAL DAN IL-VALUR INFINIT

Din il-mewt tidderivi l-valur infinit u d-dinjita’ tagħha minn dawn il-konsiderazzjonijiet: għax il-persuna li ssottmettiet għaliha mhux biss kien bniedem reali u perfettament qaddis, imma wkoll l-Iben Uniġenitu t’Alla, ta’ l-istess essenza eterna u infinita mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu, liema kwalifiki kienu neċessarji biex jikkostitwuh Salvatur għalina; u għax mewtu kienet akkumpanjata bl-esperjenza tal-korla u s-saħta t’Alla mistħoqqa lilna minħabba d-dnub.

Artiklu 5: IL-MANDAT BIEX L-EVANĠELJU JKUN PROKLAMAT

Barra minn hekk, il-wegħda ta’ l-evanġelju hi li kull min jemmen fi Kristu msallab ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna. Din il-wegħda, flimkien mal-kmand biex nindmu u nemmnu, għandha tkun dikjarata u annunzjata lill-ġnus kollha, u lin-nies kollha bla distinzjoni jew diskriminazzjoni, li Alla skond l-għoġba tajba tiegħu jibgħatilhom l-evanġelju.

Artiklu 6: L-INKREDULITA’ HI R-RESPONSABBILTA’ TAL-BNIEDEM

Madankollu, il-fatt li ħafna msejjħa permezz ta’ l-evanġelju jibqgħu ma jindmux u lanqas jemmnu fi Kristu, iżda aktarx jintilfu fin-nuqqas ta’ twemmin, ma jirriżultax għax is-sagrifiċċju ta’ Kristu offrut fuq is-salib hu defiċjenti jew insuffiċjenti. Huma nfushom jaħtu għal dan esklussivament.

Artiklu 7: IL-FIDI HI L-GĦOTJA T’ALLA

Imma dawk kollha li ġenwinament jemmnu u huma lliberati u salvati bil-mewt ta’ Kristu minn dnubiethom u mid-destruzzjoni, dan il-benefiċċju jiġrilhom biss mill-grazzja t’Alla, li mhu midjun ma’ ħadd, mogħti lilhom fi Kristu mill-eternita’.

Artiklu 8: L-EFFETTIVITA’ SALVIVIKA TAL-MEWT TA’ KRISTU

Għax dan kien il-kunsill sovran u r-rieda l-iżjed grazzjuża u l-intenzjoni t’Alla l-Missier, li l-effikaċja salvivika tal-mewt l-aktar prezzjuża t’Ibnu, li tagħti l-ħajja, kellha testendi għall-magħżulin kollha, biex jagħti lilhom biss id-don tal-fidi li tiġġustifika, u hekk iwassalhom infallibbilment għas-salvazzjoni. Fi kliem ieħor, kienet ir-rieda t’Alla, li Kristu bid-demm tas-salib, li bih ikkonferma l-patt il-ġdid, kellu effettivament jifdi minn kull poplu, tribu’, nazzjon, u lsien, dawk kollha, u dawk biss, li mill-eternita’ kienu magħżulin għas-salvazzjoni, u mogħtija lilu mill-Missier; li kellu jagħtihom il-fidi, li flimkien ma’ l-għotjiet salviviċi l-oħra kollha ta’ l-Ispirtu s-Santu, xtara għalihom b’mewtu; li kellu jnaddafhom minn dnubiethom kollha, oriġinali u attwali, sew jekk magħmulin qabel jew wara li jemmnu; li kellu fedelment jippriżervahom sat-tmiem; u li finalment kellu jippreżentahom għalih innifsu ħielsa minn kull tebgħa u difett fit-tgawdija tal-glorja għal dejjem.

Artiklu 9: IT-TWETTIQ TAL-PJAN T’ALLA

Dan l-għan, li jipproċiedi mill-imħabba dejjiema lejn il-magħżulin, mill-bidu tad-dinja sal-lum kien imwettaq bil-qawwa, u jibqa’ jitwettaq fil-ġejjieni, bix-xtiebi ta’ Ħades jopponu ineffettivament. Bħala riżultat il-magħżulin jinġabru flimkien ħaġa waħda, kull wieħed fiż-żmien imwaqqat, u qatt ma jkun hawn nieqsa knisja komposta mill-fidili, imsejjsa fid-demm ta’ Kristu, li konsistentament tħobb, u persistentament taqdih bħala s-Salvatur tagħha, li bħala għarus għall-għarusa tiegħu, ta ħajtu fuq is-salib għaliha, u li tkompli tiċċelebra t-tifħir tiegħu hawn u matul l-eternita’ kollha.

Rifjutar Ta’ L-Erruri

Wara li fissirna d-dottrina ortodossa, aħna bħala Sinodu:

I

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li Alla l-Missier ħatar lil Ibnu għall-mewt fuq is-salib mingħajr digriet fiss u definit biex isalva ċerti nies, hekk li n-neċessita’, l-utilita’ u s-siwi ta’ dak li mmerita Kristu b’mewtu seta’ eżista, u seta’ jibqa’ fil-partijiet kollha tiegħu komplut, perfett u intatt, imqar kieku l-fidwa meritata qatt ma kienet fil-fatt applikata lil xi individwu.

Għax din l-asserzjoni hija insult għall-għerf t’Alla l-Missier u l-merti ta’ Ġesu’ Kristu, u kuntrarja għall-Iskrittura. Għax il-Feddej tagħna jitkellem hekk: “Nagħti ħajti għan-nagħaġ, u nafhom” (Ġw. 10:15, 27). U Isaija l-profeta jgħid rigward is-Salvatur: “Wara li jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju għad-dnub, jara n-nisel tiegħu, u jtawwal il-jiem tiegħu; u dak li jogħġob lill-Mulej ikollu r-risq f’idu” (Isa. 53:10). Finalment, dan jimmina l-artiklu tal-kredu li fih nistqarru x’nemmnu dwar il-Knisja kristjana universali.

II

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li ma kienx l-għan tal-mewt ta’ Kristu li attwalment jikkonferma l-patt il-ġdid tal-grazzja permezz ta’ demmu, imma biss li jakkwista għall-Missier is-sempliċi dritt li jistabbilixxi mal-bniedem it-tali patt kif jogħġbu, ta’ grazzja jew inkella ta’ l-opri.

Għax dan hu konfliġġenti ma’ l-Iskrittura, li tgħallem li “Ġesu’ sar il-pleġġatur ta’ patt aħjar” (Ebrej 7:22; 9:15), jiġifieri patt ġdid; u li “patt fuq il-mejtin hu ferm, ġaladarba qatt ma jgħodd meta għadu jgħix dak li jippattja” (Ebrej 9:17).

III

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li Kristu, bis-sodisfazzjon tiegħu la mmerita ċertament is-salvazzjoni nfisha għal xi ħadd, u lanqas il-fidi li biha dan is-sodisfazzjon ta’ Kristu għas-salvazzjoni hu effettivament applikat; imma li mmerita biss għall-Missier l-awtorita’ jew ir-rieda plenarja li jerġa’ jittratta mal-bniedem, u jippreskrivi kondizzjonijiet ġodda skond kif jixtieq. Madankollu t-twettiq tagħhom kien jiddependi fuq ir-rieda ħielsa tal-bniedem, hekk li kien possibbli li ħadd jew kulħadd seta’ jwettaqhom.

Għax dawn jistmaw il-mewt ta’ Kristu fil-baxx wisq, b’ebda mod ma jagħrfu l-frott l-iżjed importanti jew benefiċċju miksub biha, u jreġġgħu lura mill-infern l-errur Pelaġjan.

IV

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li dak li kien involut fil-patt il-ġdid tal-grazzja, li Alla l-Missier għamel mal-bniedem bil-medjazzjoni tal-mewt ta’ Kristu, mhuwiex illi aħna ġustifikati quddiem Alla u salvati permezz tal-fidi, billi tilqa’ l-merti ta’ Kristu, imma aktarx illi Alla, billi rrevoka d-domanda tiegħu għal ubbidjenza perfetta lejn il-liġi, jistma l-fidi nfisha, u l-ubbidjenza imperfetta tal-fidi, bħala ubbidjenza perfetta għal-liġi, u bi grazzja jgħoddha denja tal-premju tal-ħajja eterna.

Għax dawn jeħduha kontra l-Iskritturi: “Li huma ġġustifikati gratwitment bil-grazzja tiegħu permezz tal-fidwa sħiħa fi Kristu Ġesu’; li Alla esebixxa bħala propizjatorju permezz tal-fidi f’demmu” (Rum. 3:24-25). U bħalma għamel Soċinju l-ħażin, dawn jintroduċu ġustifikazzjoni ġdida u barranija tal-bniedem quddiem Alla, kontra l-kunsens tal-knisja kollha.

V

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-bnedmin kollha huma milqugħa fl-istat ta’ rikonċiljazzjoni u fil-grazzja tal-patt, hekk li ħadd mhu denju tal-kundanna minħabba d-dnub oriġinali, u li ħadd mhu se jkun ikkundannat minħabba fih, imma li kulħadd huwa ħieles mill-ħtija tad-dnub oriġinali.

Għax din l-opinjoni ma taqbilx ma’ l-Iskrittura li tisħaq li aħna minn natura wlied il-għadab (Ef. 2:3).

VI

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jużaw id-distinzjoni bejn l-immeritar u l-applikazzjoni biex iħawwlu fl-imħuħ bla kawtiela u bla esperjenza din l-opinjoni, li Alla, daqskemm jiġi minnu, jixtieq jagħti ugwalment lill-bnedmin kollha l-benefiċċji maqlugħa bil-mewt ta’ Kristu; imma li d-differenza li biha xi wħud aktarx milli l-oħrajn jaslu biex jottienu l-maħfra tad-dnub u l-ħajja eterna tiddependi fuq ir-rieda ħielsa tagħhom, li tgħaqqad lilha nfisha mal-grazzja offruta mingħajr eċċezzjoni, u ma tiddependix fuq l-għotja unika tal-ħniena li effettivament topera fihom, biex hekk huma, aktarx milli l-oħrajn, japplikaw din il-grazzja għalihom infushom.

Għax, filwaqt li jippretendu li qed jippreżentaw din id-distinzjoni f’sens aċċettabbli, ifittxu jbellgħu lin-nies il-valenu qerried tal-Pelaġjaniżmu.

VII

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li Kristu ma setax imut, ma kellux għalfejn imut, u lanqas miet għal dawk li Alla ħabb fl-ogħla grad u għażilhom għall-ħajja eterna, billi dawk m’għandhomx bżonn il-mewt ta’ Kristu.

Għax jikkontradixxu lill-Appostlu, li jiddikjara: “L-Iben t’Alla ħabbni u reħa lilu nnifsu għalija” (Gal. 2:20). L-istess: “Min se jixli xi ħaġa kontra l-magħżulin t’Alla? Alla hu li jiġġustifika; min hu li jikkundanna? Kristu Ġesu’ li miet” (Rum.8:33-34), jiġifieri għalihom. U jgiddbu lis-Salvatur: “Ħajti nagħti għan-nagħaġ” (Ġw.10:15). U: “Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Imħabba ikbar minn din ħadd ma għandu, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw. 15:12-13).

 

It-Tielet U R-Raba’ Punti Ewlenin Ta’ Dottrina

Il-Korruzzjoni Tal-Bniedem,Il-Konverżjoni Tiegħu Lejn Alla,U Kif Isseħħ

Artiklu 1: L-EFFETT TAL-WAQA’ FUQ IN-NATURA UMANA

Il-bniedem mill-bidu, skond ix-xbieha t’Alla, kien imħawwar b’tagħrif veru u salutari tal-Ħallieq tiegħu, u ħwejjeġ spiritwali f’moħħu, u b’ġustizzja fir-rieda u l-qalb; u l-affezzjonijiet kollha tiegħu safja: u hekk kien kompletamentqaddis. Madankollu, malli xxewwex kontra Alla bl-istigazzjoni tax-xitan u bir-rieda ħielsa tiegħu, ippriva lilu nnifsu minn dawn l-għotjiet eċċellenti; u għall-kuntrarju ġab fuqu nnifsu għama, dalma orribbli, frugħa, u tgħawwiġ tal-ġudizzju f’moħħu; perversita’, ribelljoni, u stinazzjoni fil-qalb u r-rieda; kif ukoll impurita’ fl-emozzjonijiet kollha tiegħu.

Artiklu 2: IL-FIRXA TAL-KORRUZZJONI

Barra minn hekk, bħalma l-bniedem sar wara l-waqa’, l-istess tip ta’ wlied ukoll nissel, jiġifieri, bniedem imħassar, tfal imħassra. Bil-ġudizzju ġust t’Alla, it-taħsir għadda minn Adam għad-dixxendenti kollha tiegħu (Kristu l-uniku eċċezzjoni), mhux permezz ta’ l-imitazzjoni (kif kienu jisħqu l-Pelaġjani fl-antik), imma permezz tal-propagazzjoni tan-natura pervertita.

Artiklu 3: L-INABBILTA’ TOTALI

Għalhekk in-nies kollha huma konċeputi fid-dnub u mwielda wlied il-għadab, mhumiex kapaċi jagħmlu xi tajjeb salviviku, huma inklinati lejn il-ħażen, mejtin fi dnubiethom, u lsiera tad-dnub; u mingħajr il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jwelled mill-ġdid, la jridu u lanqas għandhom ħila jirritornaw għand Alla, lanqas jikkoreġu d-depravita’ tan-natura tagħhom, jew imqar jiddisponu lilhom infushom għall-korrezzjoni tagħha.

Artiklu 4: ID-DAWL TAN-NATURA INADEGWAT

Hemm tabilħaqq ċertu dawl residwali tan-natura fil-bniedem wara l-waqa’, u minħabba fih għadu jżomm xi konċetti dwar Alla, dwar ħwejjeġ naturali, u dwar id-differenza bejn ħwejjeġ onorabbli u baxxi, u juri ċerta stima għall-virtu’ u ordni esterna. Imma dan id-dawl tan-natura ma jagħmilx lill-bniedem kapaċi biex jasal għal tagħrif salviviku t’Alla u jikkonverti lilu nnifsu lejh, tant li lanqas fi ħwejjeġ naturali u ċivili ma jinqeda bih sewwa. Minflok, b’diversi modi jikkontaminah għalkollox, hu x’inhu l-karattru tiegħu, u jissopprimih fl-inġustizzja; u b’dan l-aġir jirrendi lilu nnifsu bla skuża quddiem Alla.

Artiklu 5: IL-LIĠI INADEGWATA

Dak li hu veru dwar id-dawl tan-natura hu veru wkoll dwar l-Għaxar Kmandamenti mogħtija minn Alla permezz ta’ Mose’, pekuljarment lil-Lhud. Għax il-bniedem ma jistax jottieni grazzja salvivika bid-Dekalogu, għax, għalkemm jesponi l-kobor ta’ dnubu u kulma jmur jikkonvinċih inkwantu l-ħtija tiegħu, madankollu ma joffrix rimedju jew jagħtih il-ħila jiskappa mill-miżerja tiegħu, u billi hu debboli minħabba l-laħam, tħalli lit-trasgressur taħt is-saħta.

Artiklu 6: IL-POTENZA SALVIVIKA TA’ L-EVANĠELJU

Allura dak li la d-dawl tan-natura u lanqas il-liġi ma tista’ tagħmel, Alla jwettaq bl-operazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Kelma jew il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni. Dan hu l-evanġelju dwar il-Messija, li bih għoġob ‘l Alla jsalva lill-fidili, kemm fil-Patt il-Qadim kif ukoll fil-Ġdid.

Artiklu 7: IL-LIBERTA’ T’ALLA FL-IRRIVELAR TA’ L-EVANĠELJU

Fil-Patt il-Qadim, Alla kixef dan il-misterju tar-rieda tiegħu lill-għadd ċkejken biss; fil-Patt il-Ġdid (bid-distinzjoni bejn nies diversi issa mneħħija), jirrivela lilu nnifsu lil ħafna. Ir-raġuni għal din id-dispensa m’għandhiex tkun askritta għad-den superjuri ta’ nazzjon wieħed iżjed mill-ieħor, jew għal użu aħjar tad-dawl tan-natura, iżda tirriżulta kompletament mill-għoġba sovrana u tajba t’Alla, u mill-imħabba gratwita tiegħu. Għalhekk, dawk li jirċievu barka hekk kbira u grazzjuża, lil hinn milli jistħoqqilhom, jew aktarx minkejja kemm ma jimmeritawhiex, imisshom jagħrfuha bi qlub umli u grati; u flimkien ma’ l-appostlu għandhom jaduraw, mhux jitkixxfu b’mod inkwiżittiv u kurjuż, is-severita’ u l-ġustizzja tal-ġudizzji t’Alla esibita fuq l-oħrajn, li ma tingħatalhomx din il-grazzja.

Artiklu 8: IS-SEJĦA SERJA TA’ L-EVANĠELJU

Madankollu, dawk kollha msejjħa bl-evanġelju, huma serjament imsejjħa. Għax Alla serjament u bl-akbar ġenwinita’ wera fil-Kelma dak li jogħġob lilu, jiġifieri, li l-imsejħin għandhom jiġu għandu. Saħansitra jwiegħed bis-serjeta’ lil dawk kollha li jiġu għandu u jemmnu l-mistrieħ għar-ruħ u l-ħajja eterna.

Artiklu 9: IR-RESPONSABBILTA’ UMANA GĦAĊ-ĊAĦDA TA’ L-EVANĠELJU

Il-fatt li ħafna msejjħa bil-ministeru ta’ l-evanġelju ma jiġux u jibqgħu mhumiex konvertiti, il-ħtija ta’ dan mhix fl-evanġelju, jew fi Kristu kif offrut fl-evanġelju, jew f’Alla li jsejjaħ permezz ta’ l-evanġelju, u saħansitra jagħnihom b’doni diversi. It-tort jinsab fl-imsejjħin infushom: xi wħud minnhom, billi huma traskurati, ma jagħtux kas il-kelma tal-ħajja; oħrajn jagħtu widen, imma ma jippermettulhiex entratura fil-qalb, u allura wara l-ferħ għaddieni ta’ fidi temporanja, jaqgħu; oħrajn joħonqu ż-żerriegħa tal-kelma bix-xewk tat-tħassib u l-pjaċiri tad-dinja, u ma jipproduċu ebda frott, kif jgħallem is-Salvatur tagħna fil-parabbola taż-żerriegħa (Mt. 13).

Artiklu 10: IL-KONVERŻJONI BĦALA L-ĦIDMA T’ALLA

Imma l-fatt li oħrajn li huma msejjħa bil-ministeru ta’ l-evanġelju jiġu u huma konvertiti m’għandux ikun attribwit lill-bniedem, bħallikieku hu, permezz ta’ rieda ħielsa jiddistingwi lilu nnifsu mill-bqija, fornuti bi grazzja ugwali jew suffiċjenti għall-fidi u l-konverżjoni (kif tisħaq l-ereżija mkabbra ta’ Pelagius). Anzi, il-krettu hu t’Alla: li, bħalma mill-eternita’ għażel lil tiegħu fi Kristu, hekk fiż-żmien effettivament isejjħilhom, jagħtihom il-fidi u l-indiema, jeħlishom minn taħt id-dominju tad-dlam, u jittrasferihom għas-saltna ta’ Ibnu, sabiex jiddikjaraw it-tifħir tiegħu li sejjħilhom mid-dlam għad-dawl meraviljuż tiegħu; u jiftaħru mhux fihom infushom, imma fil-Mulej, kif inhi sikwit it-testimonjanza appostolika f’diversi nħawi.

Artiklu 11: IX-XOGĦOL TA’ L-ISPIRTU S-SANTU FIL-KONVERŻJONI

Barra minn hekk, meta Alla jwettaq din l-għoġba tajba tiegħu fil-magħżulin, jew jaħdem fihom konverżjoni vera, mhux biss jikkawża li l-evanġelju jkun esternament pridkat lilhom, u bil-qawwa jilluminalhom moħħhom bl-Ispirtu s-Santu tiegħu ħalli jifhmu sew u jiddixxernu l-ħwejjeġ ta’ l-Ispirtu t’Alla; imma, bl-operazzjoni effettiva ta’ l-istess Spirtu li jirriġenera, jippervadi sa l-irkejjen l-aktar ġewwiena tal-bniedem; jiftaħ il-qalb magħluqa, irattab il-qalb imwebbsa, u jiċċirkonċiża l-qalb bla ċirkonċiżjoni. Jixħet kwalitajiet ġodda fir-rieda, u jibdilha minn mejta għal ħajja;u minn waħda ħażina, diżubbidjenti, u stinata, jirrendiha tajba, ubbidjenti, u malleabbli; jattwaha u jqawwiha biex hekk, bħal siġra tajba, tkun kapaċi tipproduċi l-frottijiet ta’ azzjonijiet tajba.

Artiklu 12: IR-RIĠENERAZZJONI ĦIDMA SOPRANNATURALI

U din hi r-riġenerazzjoni ċelebrata hekk fl-għoli fl-Iskrittura, u deskritta bħala ħolqien ġdid, qawmien mill-mewt, att li bih Alla jagħmilna ħajjin, maħdum fina mingħajrna. Imma dan ċertament ma jiġrix sempliċament bix-xandir estern ta’ l-evanġelju, bil-persważjoni morali, jew b’xi mod ta’ operazzjoni, li wara li Alla jkun wettaq il-parti tiegħu, jibqa’ fis-setgħa tal-bniedem ikunx riġenerat jew le, ikunx konvertit, jew jibqa’ mhux konvertit. Aktarx, huwa xogħol evidentament soprannaturali għalkollox, mill-iżjed setgħan, u fl-istess ħin mill-iżjed għaxxieqi, meraviljuż, misterjuż, u ineffabbli; mhuwiex inferjuri fl-effikaċja mill-ħolqien, jew mill-qawmien mill-imwiet, bħalma l-Iskrittura mnebbħa mill-awtur ta’ dil-ħidma tiddikjara. Bħala riżultat, dawk kollha li Alla jaħdem fi qlubhom b’dan il-mod ta’ l-għaġeb, huma ċertament, infallibbilment, u effettivament imwielda mill-ġdid, u attwalment jibdew jemmnu. U mbagħad ir-rieda, issa mġedda, mhux biss hija attwata u motivata minn Alla, imma bħala konsegwenza ta’ din l-influwenza, issir hi nfisha attiva. Minħabba f’hekk ukoll, il-bniedem jingħad sewwa li jemmen u jindem, sforz il-grazzja li jkun irċieva.

Artiklu 13: IL-MOD INKOMPRENSIBBLI TAR-RIĠENERAZZJONI

Il-fidili f’din il-ħajja mhumiex kapaċi jifhmu għalkollox il-manjiera kif isseħħ din l-operazzjoni; frattant, jistrieħu sodisfatti fit-tagħrif u l-esperjenza li b’din il-grazzja t’Alla, jemmnu bil-qalb u jħobbu s-Salvatur tagħhom.

Artiklu 14: KIF ALLA JAGĦTI L-FIDI

Hekk, mela, il-fidi hi l-għotja t’Alla, mhux għax hi offruta minn Alla lir-rieda tal-bniedem, imma għax fir-realta’ jagħtihielu, jonfoħha u jitfagħha fih; lanqas saħansitra għax Alla jagħti biss l-abbilta’ tat-twemmin, u mbagħad jistenna l-kunsens, jew imqar l-att tat-twemmin, mir-rieda tal-bniedem; imma għax dak li jaħdem kemm ir-rieda kif ukoll l-għemil, u tabilħaqq, il-ħwejjeġ kollha f’kulħadd, jipproduċi fil-bniedem kemm ir-rieda biex jemmen, kif ukoll it-twemmin innifsu.

Artiklu 15: REAZZJONIJIET GĦALL-GRAZZJA T’ALLA

Din il-grazzja Alla mhu obbligat jagħtiha lil ħadd. Għax x’jista’ jkun obbligat jagħti lil dak li minn qabel mhu kapaċi jagħti xejn, biex hekk jintraddlu lura? Iżjed minn hekk, x’jista’ jkun obbligat jagħtih, li m’għandu xejn inkwantu l-ħwejjeġ tiegħu (xejn minnu nnifsu), ħlief dnub u falsita’? Għalhekk kull min jirċievi dik il-grazzja hu obbligat u jrodd ħajr etern lill-uniku Alla; min ma jirċevihiex, ma jimportah xejn dwar dawn il-ħwejjeġ spiritwali, u jinsab sodisfatt bih innifsu, jew inkella, billi hu bla kont, jiftaħar bi frugħa li jippossiedi xi ħaġa li m’għandux. Iżjed minn hekk, rigward dawk li esternament jipprofessaw il-fidi tagħhom u jamendaw ħajjithom, għandna naħsbu dwarhom u nitkellmu b’mod l-iżjed favorevoli, skond l-eżempju ta’ l-appostli, għax l-għamajjar sigrieti tal-qalb mhumiex mikxufin quddiemna. Jerġa’, għal dawk li għadhom mhumiex imsejjħa, għandna nitolbu ‘l Alla, li jsejjaħ ħwejjeġ li mhumiex bħallikieku huma. Ċertament, b’ebda mod ma jmissna nkunu arroganti lejhom, bħallikieku għamilna lilna nfusna differenti.

Artiklu 16: L-EFFETT TAR-RIĠENERAZZJONI

Imma bħalma bil-waqgħa l-bniedem m’hediex milli jkun bniedem, mogħni bl-intellett u r-rieda, u lanqas id-dnub, li ppervada r-razza umana kollha, ma pprivahx minn natura ta’ l-umanita’, imma ddepravah u spiritwalment qatlu, hekk ukoll din il-grazzja divina tar-riġenerazzjoni ma toperax fil-bnedmin bħallikieku zkuk mejta jew ħaġar, u lanqas ma tabolixxi r-rieda u l-propjetajiet tagħha, jew iġġiegħlha bil-forza kontra l-volonta’ tagħha, imma spiritwalment tivvivifika, tfejjaq, tikkoreġi u ddawwarha lura bil-qawwa u fl-istess ħin pjaċevolment. Bħala riżultat, filwaqt li qabel ir-ribelljoni u l-oppożizzjoni tal-laħam kienu jeżerċitaw dominju sħiħ, issa tibda tirrenja ubbidjenza ta’ l-Ispirtu, pronta u sinċiera, u fiha jikkonsisti t-tiġdid u l-liberta’ spiritwali u vera tar-rieda tagħna. U jekk kemm-il darba dan l-Artiġjan ammirabbli ta’ kull ġid ma jittrattax magħna b’dan il-mod, m’hemm ebda tama li l-bniedem iqum mill-waqgħa permezz ta’ rieda ħielsa, li biha, meta kien għadu dritt, għaddas lilu nnifsu fir-rovina.

Artiklu 17: L-UŻU TAL-MEZZI FIR-RIĠENERAZZJONI

Bħalma l-operazzjoni omnipotenti t’Alla li biha jipproduċi u jsostni din il-ħajja naturali tagħna, ma teskludix, imma tirrekjiedi l-użu tal-mezzi, li bihom Alla bl-għerf infinit u t-tjieba tiegħu ried jeżerċita din is-setgħa tiegħu, hekk ukoll l-operazzjoni soprannaturali t’Alla diġa’ msemmija, li biha jirriġenerana, b’ebda mod ma teskludi, jew tħassar l-użu ta’ l-evanġelju, li Alla l-aktar sapjenti ħatar bħala ż-żerriegħa tar-riġenerazzjoni, u ikel għar-ruħ. Għaldaqstant, bħalma l-appostli u l-għalliema li ġew warajhom, b’reverenza taw istruzzjoni lin-nies dwar din il-grazzja t’Alla, għall-glorja tiegħu, u t-tbaxxija ta’ kull kburija, u frattant, madankollu, ma traskurawx milli jżommuhom bl-ammonizzjonijiet qaddisa ta’ l-evanġelju fl-eżerċizzju tal-Kelma, tas-sagramenti u d-dixxiplina; hekk ukoll sal-lum, ħa ma jkun qatt li l-għalliema jew l-istruwiti fil-knisja jippreżumu li jġarrbu ‘l Alla billi jisseparaw dak li hu fl-għoġba tajba tiegħu għaqqad wisq intimament flimkien. Għax il-grazzja tingħata permezz ta’ l-ammonizzjonijiet; u daqskemm inkunu pronti fit-twettiq ta’ dmirna, il-barka t’Alla li jaħdem fina hi ġeneralment aktar eminenti, u l-ħidma tiegħu mbagħad tipproċiedi mill-iżjed favorevolment. Lilu waħdu jmissna nagħtu l-glorja kollha għal dejjem, kemm għall-mezzi kif ukoll għall-frott salviviku u l-effettivita’ tagħhom. Amen.

Rifjutar Ta’ L-Erruri

Wara li fissirna d-dottrina ortodossa, aħna bħala Sinodu:

I

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li ma jistax propjament jingħad li d-dnub oriġinali fih innifsu huwa suffiċjenti biex jikkundanna r-razza umana kollha, jew biex ikun jistħoqqlu kastig temporali u etern.

Għax dawn jeħduha kontra l-Appostlu, li jiddikjara: “Minħabba f’hekk, bħalma permezz ta’ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, hekk ukoll għaddiet il-mewt għall-bnedmin kollha, peress li kollha dinbu” (Rum. 5:12); kif ukoll: “Il-ġudizzju hu minn offiża waħda għall-kundanna” (Rum. 5:16); u, “Il-paga tad-dnub hi l-mewt” (Rum. 6:23).

II

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li kien impossibbli għall-għotjiet spiritwali, jew il-kwalitajiet tajba u virtujiet, bħalma huma t-tjieba, il-qdusija u l-ġustizzja, li jkollhom lok fir-rieda tal-bniedem, meta kien maħluq fil-bidu,u li għaldaqstant kien impossibbli li jkunu mifruda mir-rieda fil-waqgħa tiegħu.

Għax dan hu konfliġġenti mad-deskrizzjoni tax-xbieha t’Alla, li jagħti l-Appostlu fl-Efesin 4:24, fejn jiddikjara li tikkonsisti fil-ġustizzja u qdusija, li definittivament jgħammru fir-rieda.

III

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li fil-mewt spiritwali l-għotjiet spiritwali mhumiex separati mir-rieda tal-bniedem, peress li r-rieda fiha nfisha qatt ma kienet korrotta, iżda biss imfixkla bid-dalma tal-fehma u l-irregolarita’ ta’ l-affezzjonijiet; u li, ladarba jitneħħa dan ix-xkiel, ir-rieda tkun ħielsa biex teżerċita l-qawwa nattiva tagħha, jiġifieri, li r-rieda fiha nfisha kapaċi tkun trid u tagħżel, jew ma tkunx trid u ma tagħżilx, kwalunkwe tajjeb preżentat lilha.

Din innovazzjoni u żball, u għandha l-ħabta televa s-setgħat tar-rieda ħielsa, kuntrarju għad-dikjarazzjoni tal-Profeta: “Il-qalb qarrieqa aktar minn kollox, u eċċessivament korrotta” (Ġer.17:9); u ta’ l-Appostlu: “Li fosthom (ulied id-diżubbidjenza) ukoll aħna lkoll ġibna ruħna darba fil-leblibiet ta’ laħamna, nagħmlu x-xewqat tal-laħam u tal-fehmiet” (Ef. 2:3).

IV

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-bniedem mhux riġenerat mhuwiex realment jew totalment mejjet fid-dnub, u lanqas priv mill-qawwiet kollha għat-tajjeb spiritwali, imma għadu jista’ jġuħ u jagħtex għall-ġustizzja u l-ħajja, u joffri s-sagrifiċċju ta’ spirtu niedem u miksur, li jogħġob ‘l Alla.

Għax dawn l-opinjonijiet huma opposti għat-testimonjanza diretta ta’ l-Iskrittura. “Intom kontu mejtin fl-offiżi u fid-dnubiet” (Ef. 2:1, 5); u, “Kull immaġinazzjoni tal-ħsieb ta’ qalbu kienet kontinwament ħażen biss” (Ġen. 6:5; 8:21).

Barra minn hekk, ikollok il-ġuħ u l-għatx għall-ħelsien mill-miżerja, u għall-ħajja, u toffri ‘l Alla s-sagrifiċċju ta’ spirtu maqsum, huwa pekuljari għar-riġenerati u dawk imsejjħa mbierka (Salm 51:10, 17-19; Mt. 5:6).

V

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-bniedem korrott u naturali jista’ jagħmel użu hekk sewwa mill-grazzja komuni (li biha jifhmu d-dawl tan-natura), jew mill-għotjiet li għad fadallu wara l-waqgħa, illi kapaċi bl-użu tajjeb tagħhom jikseb gradatament grazzja ikbar, jiġifieri, il-grazzja evanġelika jew salvivika, u s-salvazzjoni nfisha. U li b’dan il-mod Alla mil-lat tiegħu juri lilu nnifsu lest biex jirrevela ‘l Kristu lill-bnedmin kollha, peress li japplika suffiċjentament u effiċjentament lil kulħadd il-mezzi neċessarji għar-rivelazzjoni ta’ Kristu, għall-fidi u l-indiema.

Għax l-Iskrittura, biex ma nsemmux l-esperjenza ta’ kull żmien, tixhed kemm din hi ħaġa falza. “Juri Kelmtu lil Ġakobb, l-istatuti u l-ordinanzi tiegħu lil Iżrael. Ma trattax hekk ma’ ebda ġens ieħor; id-digrieti tiegħu huma ma jafuhomx” (Salm 147:19-20). “Fil-ġenerazzjonijiet mgħoddija ppermetta l-ġnus kollha jmorru fi triqathom” (Atti 14:16). “U huma (Pawlu u sħabu) kienu projbiti mill-Ispirtu s-Santu li jitkellmu l-kelma fl-Asja; imma kif ġew faċċata tal-Misja ttantaw imorru fil-Bitinja, u l-Ispirtu ta’ Ġesu’ ma ppermettilhomx” (Atti 16:6-7).

VI

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li fil-konverżjoni vera tal-bniedem ebda kwalitajiet ġodda, qawwiet, jew għotjiet ma jistgħu jkunu infużi minn Alla fir-rieda tiegħu, u li allura l-fidi li biha aħna konvertiti l-ewwel darba, u li minħabba fiha nissejħu fidili, mhix kwalita’ jew don infuż minn Alla, imma biss att tal-bniedem, u li ma tistax tingħad li hi don, ħlief inkwantu għall-qawwa biex nottienu din il-fidi.

Għax dawn il-fehmiet jinnegaw l-Iskritturi Mqaddsa, li jiddikjaraw li Alla jixħet kwalitajiet ġodda ta’ fidi, ubbidjenza, u l-esperjenza ta’ mħabbtu fi qlubna: “Inqiegħed il-liġi tiegħi fl-imħuħ tagħhom, u niktibha fi qlubhom” (Ġer. 31:33). “Jien insawwab l-ilma fuq min hu għatxan, u gliegel fuq l-art niexfa; insawwab l-Ispirtu tiegħu fuq nislek” (Isa. 44:3). “L-imħabba t’Alla kienet imsawwba fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu mogħti lilna” (Rum. 5:5). Jeħduha wkoll kontra l-prattika kontinwa tal-Knisja, li titlob fi kliem il-profeta hekk: “Dawwarni int, u jien inkun imdawwar” (Ġer. 31:18).

VII

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-grazzja li biha aħna konvertiti lejn Alla mhi xejn ħlief persważjoni ġentili, jew (kif ifissruha oħrajn), li din hi l-manjiera l-iżjed nobbli ta’ ħidma fil-konverżjoni tal-bniedem u l-iżjed armonjuża man-natura umana, jiġifieri, dik li sseħħ permezz tal-persważjoni; u li m’hemm ebda raġuni għala din il-grazzja morali waħidha m’għandhiex tkun suffiċjenti biex tagħmel lill-bniedem naturali spiritwali; tabilħaqq, li Alla ma jipproduċix il-kunsens tar-rieda b’mod ieħor ħlief bil-metodu morali; u li l-effikaċja tal-ħidma divina, li biha tisboq il-ħidma ta’ Satana, tikkonsisti fil-fatt illi Alla jwiegħed benefiċċji eterni, mentri Satana jwiegħed biss temporali.

Imma dan it-tagħlim hu kompletament Pelaġjan u jmieri l-Iskittura kollha li, minbarra dan, tirrikonoxxi ħidma oħra, wisq iżjed setgħana u manjiera divina ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-konverżjoni tal-bniedem: “Qalb ġdida wkoll nagħtikom, u spirtu ġdid inqiegħed fikom; u naqlagħlkom il-qalb ħaġġarija minn laħamkom, u nagħtikom qalb tal-laħam” (Eżek. 36:26).

VIII

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li Alla, fir-riġenerazzjoni tal-bniedem, ma jużax it-tali setgħat ta’ l-omnipotenza tiegħu hekk li bil-qawwa u infallibbilment jilwi r-rieda tal-bniedem għall-fidi u l-konverżjoni; imma li mqar meta jkunu twettqu l-għemejjel kollha tal-grazzja, li Alla jħaddem biex jikkonverti lill-bniedem, il-bniedem jista’ xorta waħda hekk jirreżisti lil Alla u lill-Ispirtu s-Santu, meta Alla jintenzjona r-riġenerazzjoni tal-bniedem u jkun irid jirriġenerah, u difatti l-bniedem sikwit hekk jirreżisti li jfixkel għalkollox ir-riġenerazzjoni tiegħu; u li għaldaqstant jibqa’ fil-poter tiegħu jkunx riġenerat jew le.

Għax dan mhu xejn inqas minn abjurazzjoni ta’ l-effikaċja tal-grazzja t’Alla fil-konverżjoni tagħna, u ssuġġettar tal-ħidma ta’ Alla Omnipotenti għar-rieda tal-bniedem, li hi kuntrarja għad-dottrina appostolika: “Li nemmnu skond il-qawwa tal-potenza tas-saħħa tiegħu” (Ef. 1:19). “Alla … jwettaq kull għoġba ta’ tjieba u xogħol ta’ fidi bis-setgħa” (II Tess. 1:11). Kif ukoll: “Is-setgħa divina tiegħu tatna b’xejn il-ħwejjeġ kollha għall-ħajja u pjeta’” (II Pt. 1:3).

IX

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-grazzja u r-rieda ħielsa huma kawżi parzjali, li flimkien jaħdmu l-bidu tal-konverżjoni, u li l-grazzja, fl-ordni ta’ kawżalita’, ma tippreċedix ix-xogħol tar-rieda; jiġifieri, li Alla ma jgħinx effiċjentament ir-rieda tal-bniedem għall-konverżjoni qabel ma r-rieda tal-bniedem tiċċaqlaq u tiddetermina li tagħmel dan.

Għax żmien twil ilu l-Knisja bikrija kkundannat din id-dottrina fil-Pelaġjani, minn kliem l-Apposltu: “Hekk mela mhux minn dak li jrid lanqas minn dak li jiġri, iżda minn dak li jħenn, Alla” (Rum. 9:16). Bl-istess sens: “Għax min jiddistingwik mill-oħrajn? U x’għandek li ma rċevejtx?” (I Kor. 4:7). Ukoll: “Alla hu dak li jopera fikom kemm ir-rieda u l-operazzjoni għall-għoġba tiegħu” (Fil. 2:13).

 

Il-Ħames Punt Ewlieni Ta’ Dottrina

Il-Perseveranza Tal-Qaddisin

Artiklu 1: IR-RIĠENERATI MHUMIEX ĦIELSA MID-DNUB GĦALKOLLOX

Lil dawk li Alla jsejjaħ, skond il-għan tiegħu, għall-komunjoni ma’ Ibnu, Sidna Ġesu’ Kristu, u jirriġenerahom bl-Ispirtu s-Santu, tabilħaqq ukoll jeħlishom mid-dominju u l-jasar tad-dnub, imma mhux għalkollox mil-laħam u mill-ġisem tad-dnub f’din il-ħajja.

Artiklu 2: IR-REAZZJONI TAL-FIDIL GĦAD-DNUBIET TA’ DGĦUFIJA

Għalhekk jitqanqlu ta’ kuljum dnubiet ta’ debolizza, u ma’ l-aħjar għemejjel tal-qaddisin jeħlu t-tbajja; li kontinwament jikkawżawhom jumiljaw lilhom infushom quddiem Alla, u jtiru għall-kenn lejn Kristu msallab; kulma jmur jimmortifikaw il-laħam bl-Ispirtu tat-talb, u b’taħriġ qaddis fit-tjieba; u jixxenqu lejn it-tmiem tal-perfezzjoni, sakemm fl-aħħar ikunu meħlusa minn dan il-ġisem tal-mewt, u jirrenjaw mal-Ħaruf t’Alla fis-smewwiet.

Artiklu 3: ALLA JIPPRIŻERVA LILL-KONVERTITI

Minħabba dawn il-fdalijiet ta’ dnub li jgħammar fihom, kif ukoll minħabba l-attakki tad-dinja u ta’ Satana, dawk konvertiti ma jkunux kapaċi jibqgħu wieqfa f’dik il-grazzja, kieku jitħallew għall-qawwa tagħhom stess. Imma Alla fidil, li fi ħnientu jikkonfermahom fil-grazzja ladarba tingħatalhom, u bis-setgħa jippriżervahom fiha sat-tmiem.

Artiklu 4: IL-PERIKLU LI FIDILI VERI JAQGĦU FI DNUBIET SERJI

Madankollu, għalkemm il-qawwa t’Alla li tikkonferma u tippriżerva l-kredenti veri fil-grazzja hi akbar mil-laħam hekk li ma tistax tingħeleb minnu, xorta waħda l-konvertiti mhumiex dejjem attwati u influwenzati minn Alla hekk li ma jkunux jistgħu, f’ċerti azzjonijiet partikolari, jerġgħu lura, tort tagħhom, mill-gwida tal-grazzja, u jkunu sedotti mil-leblibiet tal-laħam, u jċedu għalihom. Għaldaqstant, huma nfushom jeħtiġilhom ikunu kostantement viġilanti u jitolbu, li ma jiddaħħlux fit-tiġrib. Meta ma jagħmlux hekk, mhux biss jistgħu jkunu miġbuda mil-laħam, mid-dinja u Satana, fi dnubiet anke gravi u atroċi, imma saħansitra bil-permess ġust t’Alla jisfaw kultant imkaxkra. Dan hu esibit fil-waqgħat malinkoniċi ta’ David, ta’ Pietru u qaddisin oħra, kif deskritti fl-Iskrittura Mqaddsa.

Artiklu 5: L-EFFETTI TA’ DAWN ID-DNUBIET SERJI

Bit-tali dnubiet enormi, madankollu, joffendu immensament lil Alla, jikkuntrattaw ħtija tal-mewt, inikktu lill-Ispirtu s-Santu, jinterrompu l-eżerċizzju tal-fidi, ifieru severament il-kuxjenzi tagħhom, u kultant jitilfu s-sens tal-grazzja t’Alla għal xi żmien, sakemm, wara li b’indiema ħerqana jkunu rritornaw fit-triq tal-ħajja, il-wiċċ patern t’Alla jiddi fuqhom għal darb’ oħra.

Artiklu 6: L-INTERVENT SALVIVIKU T’ALLA

Għax Alla, li hu għani fil-ħniena, mill-għan immutabbli tiegħu ta’ l-għażla, ma jirtirax għalkollox l-Ispirtu s-Santu minn niesu, imqar fil-waqgħa malinkonika tagħhom; lanqas iħallihom jiżolqu sa dak il-punt li jaqgħu ‘l barra mill-grazzja ta’ l-adozzjoni u l-istat tal-ġustifikazzjoni, jew li jikkommettu d-dnub għall-mewt, jew kontra l-Ispirtu s-Santu, u, abbandunati totalment minnu, jarmu lilhom infushom fir-rovina dejjiema.

Artiklu 7: TIĠDID GĦALL-INDIEMA

Għax, l-ewwelnett, f’dawn il-waqgħat jippriżerva fihom iż-żerriegħa immortali tiegħu nnifsu, li minnha huma riġenerati, li ma tmurx tintilef jew tinxteħet barra; u jerġa’, permezz tal-Kelma u l-Ispirtu tiegħu ċertament u effettivament iġeddidhom għall-indiema, biex jagħlu sinċerament għal Alla minħabba d-dnubiet li kkommettew, biex permezz tal-fidi, b’qalb sogħbiena, jixtiequ u jottienu l-maħfra fid-demm tal-Medjatur, biex jesperjenzaw għal darb’ oħra l-favur t’Alla, billi issa huma rikonċiljati, biex permezz tal-fidi jaduraw il-ħniniet tiegħu, u biex minn dakinhar ‘l hemm jaħdmu b’diliġenza akbar is-salvazzjoni tagħhom stess bil-biża’ u t-tregħid.

Artiklu 8: IĊ-ĊERTEZZA TA’ DIN IL-PRIŻERVAZZJONI

Hekk mhux bil-merti jew bil-qawwa tagħhom, imma mill-ħniena ħielsa t’Alla, li ma jaqgħux totalment mill-fidi u l-grazzja, u lanqas jibqgħu b’finalita’ fil-waqgħat tagħhom jew jintilfu; li, ikkonsidrati fihom infushom, mhux biss jista’ faċilment jiġrilhom dan, imma wkoll indubjament hekk jiġrilhom; imma inkwantu Alla, dan hu assolutament impossibbli, ġaladarba l-fehma tiegħu ma tistax tinbidel, il-wegħda tiegħu ma tfallix, u lanqas tista’ s-sejħa skond il-għan tiegħu tkun revokata, u lanqas il-mertu, l-interċessjoni u l-kustodja ta’ Kristu jisfaw ineffettivi, jew l-issiġillar ta’ l-Ispirtu s-Santu jkun frustrat jew invalidat.

Artiklu 9: L-ASSIGURAZZJONI TA’ DIN IL-PRIŻERVAZZJONI

Dwar din iż-żamma tal-magħżulin għas-salvazzjoni, u l-perseveranza tal-kredenti veri fil-fidi, il-kredenti nfushom jistgħu jkunu ċerti, u huma ċerti skond il-miżura tal-fidi, li biha ċertament jemmnu li huma u dejjem se jibqgħu membri veri u ħajjin tal-knisja, li għandhom il-maħfra tad-dnubiet u l-ħajja eterna.

Artiklu 10: IL-BAŻI TA’ DIN L-ASSIGURAZZJONI

Għaldaqstant din l-assigurazzjoni mhix minn xi rivelazzjoni privata maġenb jew barra mill-Kelma t’Alla; imma titnissel mill-fidi fil-wegħdi t’Alla, li f’Kelmtu wisq bil-kotra għall-faraġ tagħna rrivelalna; mit-testimonjanza ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jixhed ma’ l-ispirtu tagħna, li aħna wlied u werrieta t’Alla (Rum. 8:16-17); u fl-aħħar minn taħriġ imħeġġeġ u qaddis ta’ kuxjenza safja u opri tajba. U kieku l-magħżulin t’Alla f’din id-dinja jisfaw privi minn dan il-konfort solidu, li finalment għad jiksbu r-rebħa, u minn dan ir-rahan infallibbli ta’ glorja eterna, ikunu l-iżjed miżerabbli fost il-bnedmin kollha.

Artiklu 11: DUBJI RIGWARD DIN L-ASSIGURAZZJONI

Frattant l-Iskrittura tixhed li l-fidili f’din il-ħajja jkollhom jissaraw ma’ diversi dubji karnali, u li waqt tentazzjonijiet qliel mhumiex dejjem sensibbli għal din l-assigurazzjoni sħiħa tal-fidi u ċertezza ta’ perseveranza. Imma Alla, il-Missier ta’ kull faraġ, ma jħallihomx ikunu mġarrba iżjed milli jifilħu, imma mat-tiġrib jiftħilhom triq biex jaħarbu (I Kor. 10:13), u bl-Ispirtu s-Santu jerġa’ jqanqal fihom iċ-ċertezza tal-perseveranza.

Artiklu 12: L-ASSIGURAZZJONI BĦALA INĊENTIV GĦAT-TJIEBA

Din iċ-ċertezza tal-perseveranza, madankollu, mhux talli ma teċitax fil-fidili spirtu ta’ kburija, jew tirrendihom karnalment sikuri, imma għall-kuntrarju, hi s-sors reali ta’ l-umilta’, reverenza bħal tat-tfal, tjieba ġenwina, sabar f’kull tribulazzjoni, talb ferventi, sodizza fit-tbatija, u fl-istqarrija tal-verita’, u ta’ ferħ solidu f’Alla: hekk li l-konsiderazzjoni ta’ dan il-benefiċċju hu inċentiv għall-prattika serja u kostanti ta’ radd il-ħajr u opri tajba, kif jidher mit-testimonjanzi ta’ l-Iskrittura, u l-eżempji tal-qaddisin.

Artiklu 13: L-ASSIGURAZZJONI MA TĦAJJARX IT-TRASKURAĠNI

Lanqas saħansitra f’dawk restawriti minn xi rkadatura din il-konfidenza mġedda ta’ perseveranza ma tipproduċi l-libertinaġġ, jew ħsara għat-tjieba; imma tirrendihom wisq iżjed attenti u lħiħa ħalli jissoktaw fil-mogħdijiet tal-Mulej mħejjija minnu, biex billi jimxu fihom iżommu l-assigurazzjoni tal-perseveranza; li ma jiġrilhomx, li minħabba l-abbuż tal-beninnita’ paterna wiċċ Alla propizzjuż (li għat-tajbin il-kontemplazzjoni tiegħu hi oħla mill-ħajja, u l-ħabi tiegħu iżjed morr mill-mewt) għal darb’ oħra jiddawwar ‘l hemm minnhom, u hekk jaqgħu f’turment tar-ruħ iżjed gravi.

Artiklu 14: ALLA JUŻA L-MEZZI FIL-PERSEVERANZA

Barra minn hekk, sewwa sew bħalma għoġob lil Alla jibda din il-ħidma ta’ grazzja tiegħu fina bix-xandir ta’ l-evanġelju, hekk permezz tas-smigħ, qari, meditazzjoni, eżortazzjonijiet, theddid, u wegħdi ta’ l-evanġelju, kif ukoll bl-użu tas-sagramenti, jippriżervaha, ikompliha, u jipperfezzjonaha.

Artiklu 15: REAZZJONIJIET KONTRASTATI GĦALL-VERITA’ DWAR IL-PERSEVERANZA

Din id-dottrina rigward il-perseveranza tal-qaddisin u fidili, u ċ-ċertezza tagħha, li Alla, għall-glorja t’Ismu stess u l-konsolazzjoni ta’ rwieħ twajba, irrivelaha abbondantament fil-Kelma tiegħu u jimpressjonaha fuq qlub il-fidili, il-laħam ma jifhimhiex, Satana jobgħodha, id-dinja tirredikolaha, l-injoranti u l-ipokriti jkagħsbruha, u spirti erranti jopponuha. Imma l-għarusa ta’ Kristu dejjem ħabbitha bħala teżor ta’ valur inestimabbli, u ddefendietha konsistentament; u Alla, li kontra tiegħu ebda pjan ma jirnexxi u ebda potenza ma tegħleb, jieħu ħsieb li tibqa’ tagħmel hekk. Lil dan Alla, il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu, ikun il-ġieħ u s-sebħ għal dejjem. Amen.

Rifjutar Ta’ L-Erruri

Wara li fissirna d-dottrina ortodossa, aħna bħala Sinodu:

I

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-perseveranza ta’ dawk verament fidili mhix effett ta’ l-għażla, jew għotja t’Alla, miksuba bil-mewt ta’ Kristu, imma kondizzjoni tal-patt il-ġdid, li l-bniedem qabel (kif isejħulhom huma) l-għażla deċiżiva u l-ġustifikazzjoni jeħtieġlu jwettaq permezz tar-rieda ħielsa tiegħu.

Għax l-Iskrittura Mqaddsa tixhed li l-perseveranza tnixxi mill-għażla, u mogħtija lill-magħżulin minħabba l-mewt, il-qawmien u l-interċessjoni ta’ Kristu: “L-għażla kisbitu; u l-bqija kienu mxarrfa” (Rum. 11:7). Kif ukoll: “Li tabilħaqq ma ffrankahiex lil Ibnu stess, iżda telqu għalina lkoll, kif mhux se jagħtina gratwitment ukoll miegħu l-ħwejjeġ kollha? Min se jixli xi ħaġa kontra l-magħżulin t’Alla? Alla hu dak li jiġġustifika; min hu li jikkundanna? Kristu Ġesu’ hu li miet, imma aktarx kien imqajjem, li hu fuq il-leminija t’Alla, li wkoll jinterċiedi għalina. Min se jifridna mill-imħabba tal-Kristu?” (Rum. 8:31-35).

II

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li Alla tabilħaqq jipprovdi lill-fidil b’qawwiet suffiċjenti biex jippersevera, u jinsab lest li jippriżerva dawn fih jekk jagħmel dmiru: madankollu meta dawk il-ħwejjeġ kollha neċessarji għall-perseveranza fil-fidi u li Alla jrid iħaddem għall-ippriżervar tal-fidi jkunu tpoġġew fl-operazzjoni, imbagħad dejjem jiddependi fuq l-għażla ħielsa tar-rieda jekk jipperseverax jew le.

Għax din il-fehma hi evidentament Pelaġjana; u filwaqt li tixtieq tagħmel lill-bnedmin liberi, tagħmilhom sagrilegi, kuntrarju għall-kunsens bla miksur tad-dottrina evanġelika, li tneħħi mill-bniedem kull raġun għall-iftaħir u tassenja t-tifħir għal dan il-benefiċċju lill-grazzja divina waħidha; u tikkontradixxi wkoll it-testimonjanza ta’ l-Appostlu: “Li wkoll se jikkonfermakom sat-tmiem bla tixlija fil-jum ta’ Sidna Ġesu’ Kristu” (I Kor. 1:8).

III

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-kredenti ġenwini – dawk riġenerati – mhux biss jistgħu jaqgħu mill-fidi li tiġġustifika, kif ukoll mill-grazzja u s-salvazzjoni totalment u finalment, imma difatti sikwit jaqgħu minn dawn u jintilfu għal dejjem.

Għax dan il-konċett jirrendi ineffettiva l-grazzja tal-ġustifikazzjoni u r-riġenerazzjoni, u ż-żamma kontinwa ta’ Kristu, kuntrarju għall-kliem espliċitu ta’ l-Appostlu Pawlu: “Alla jirrikmanda l-imħabba tiegħu nnifsu lejnna, billi filwaqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina. Bil-wisq iżjed mela, billi issa konna ġġustifikati bid-demm tiegħu, se nkunu salvati permezz tiegħu mir-rabja” (Rum. 5:8-9). U kuntrarju għall-Appostlu Ġwanni: “Kull min hu mnissel minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa tiegħu tibqa’ fih; u ma jistax jidneb, għax hu mnissel minn Alla” (I Ġw. 3:9). Kif ukoll jinnegaw kliem Ġesu’ Kristu: “Jien nagħtihom ħajja eterna, u b’ebda mod ma jintilfu, qatt, u ħadd mhu se jaħtafhom minn idi. Missieri li tahomli hu ikbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier” (Ġw. 10:28-29).

IV

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li kredenti veri u riġenerati jistgħu jidinbu d-dnub għall-mewt jew kontra l-Ispirtu s-Santu.

Għax l-istess Appostlu Ġwanni, wara li jsemmi ‘l dawk li jikkommettu d-dnub li jwassal għall-mewt u jipprojbixxi t-talb għalihom, iżid minnufih: “Nafu illi kull min hu mnissel minn Alla ma jidnibx (jiġifieri dnub ta’ dik ix-xorta), iżda l-imnissel minn Alla jżommu, u l-ħażin ma jmissux” (I Ġw. 5:16-18).

V

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li f’din il-ħajja ma jista’ jkollna ebda ċertezza ta’ perseveranza futura mingħajr rivelazzjoni speċjali.

Għax b’din id-dottrina il-faraġ solidu tal-fidili veri f’din il-ħajja jittiħdilhom, u l-iddubitar tal-papisti huwa introdott għal darb’ oħra fil-knisja. L-Iskritturi Mqaddsa, madankollu, f’diversi nħawi jidderivu din l-assigurazzjoni, mhux minn rivelazzjoni speċjali u straordinarja, imma mill-marki proprji ta’ wlied Alla u mill-promessi fidilissmi t’Alla. Hekk speċjalment l-Appostlu Pawlu: “Lanqas kwalunkwe ħlejqa oħra mhi se tkun tista’ tifridna mill-imħabba t’Alla fi Kristu Ġesu’ Sidna” (Rum. 8:39). U Ġwanni jiddikjara: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jibqa’ fih u hu fih; u b’dan nafu illi jibqa’ fina, mill-Ispirtu li tana” (I Ġw. 3:24).

VI

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li d-dottrina taċ-ċertezza tal-perseveranza u tas-salvazzjoni, mill-karattru u n-natura tagħha stess, hi mħadda għal-laħam, u hi inġurjuża għad-devozzjoni u morali tajba, għat-talb u taħriġ qaddis ieħor, imma li, għall-kuntrarju, l-iddubitar dwar dawn huwa ta’ min ifaħħru.

Għax dawn juru li ma jafux il-qawwa tal-grazzja divina u l-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina. U jikkontradixxu lill-Appostlu Ġwanni, li jgħallem l-oppost fi kliem espliċitu: “Maħbubin, issa aħna tfal t’Alla, u għadu ma kienx immanifestat x’se nkunu. Nafu illi jekk ikun immanifestat, se nkunu nixbħuh, għax se narawh bħalma hu. U kull min għandu din it-tama fih isaffi lilu nnifsu bħalma dak hu safi” (I Ġw. 3:2-3). Barra minn hekk, huma rifjutati mill-eżempju tal-qaddisin, kemm fil-Patt il-Qadim kif ukoll fil-Ġdid, li għalkemm kienu assigurati mill-perseveranza u s-salvazzjoni tagħhom, madankollu kienu kostanti fit-talb u eżerċizzji oħra tat-tjieba.

VII

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li l-fidi ta’ dawk li jemmnu għal xi żmien mhix differenti mill-fidi li tiġġustifika u ssalva ħlief fit-tul biss.

Għax Kristu nnifsu, f’Mattew 13:20-23, Luqa 8:13-15 u nħawi oħra, evidentament jistabbilixxi, minbarra din, differenza tripla bejn dawk li jemmnu biss temporanjament u l-fidili ġenwini, meta jiddikjara li ta’ l-ewwel jirċievu ż-żerriegħa fuq art ħaġġarija, imma tat-tieni fuq art jew qalb tajba; li dawk huma bla għeruq, imma dawn għandhom għeruq fermi; li dawk huma bla frott, imma dawn jipproduċu l-frott tagħhom f’miżuri diversi, fedelment u bil-perseveranza.

VIII

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li mhix ħaġa assurda li persuna, wara li tkun tilfet l-ewwel riġenerazzjoni tagħha, terġa’ tkun imwielda mill-ġdid, imqar sikwit.

Għax b’dan it-tagħlim jiċħdu l-inkorruttibilita’ taż-żerriegħa t’Alla, li biha aħna mwielda mill-ġdid, kuntrarju għat-testimonjanza ta’ l-Appostlu Pietru: “Imnisslin mill-ġdid mhux minn żriegħ korruttibbli iżda inkorruttibbli” (I Pt. 1:23).

IX

Niċħdu l-erruri ta’ dawk li jgħallmu li Kristu mkien ma talab għall-perseveranza infallibbli fil-fidi.

Għax jikkontradixxu ‘l Kristu nnifsu meta jgħid: “Jien tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tonqosx” (Lq. 22:32); u lill-Evanġelista Ġwanni, li jiddikjara, li Kristu ma talabx biss għall-Appostli, iżda wkoll għal dawk li kellhom jemmnu permezz ta’ kelmithom: “Missier qaddis, żommhom f’ismek,” u: “Ma nirrikjestax illi tneħħihom mid-dinja, iżda li żżommhom mill-ħażin” (Ġw. 17:11, 15, 20).

KONKLUŻJONI

Rifjutar Ta’ Akkużi Foloz

Din hi l-ispjegazzjoni perspekwa, sempliċi, u ċara tad-dottrina ortodossa rigward il-ħames artikli disputati fil-knejjes Belġiċi; u r-rifjutar ta’ l-erruri, li bihom kienu għal xi żmien disturbati. Is-Sinodu jiġġudika li dan it-tagħlim hu meħud mill-Kelma t’Alla, u jaqbel ma’ l-istqarrijiet tal-knejjes Riformisti. Għalhekk huwa evidenti li xi wħud, b’imġieba li xejn ma kienet tixirqilhom, ħaduha kontra kull verita’, ekwita’, u karita’, filli xtaqu jipperswadu lill-pubbliku biex jemmen:

– li d-dottrina tal-knejjes Riformisti rigward il-predestinazzjoni, u l-punti assoċjati magħha, minn natura u t-tendenza tagħha, għandha ħabta twarrab l-imħuħ tan-nies minn kull tjieba u reliġjon; li hi loppju amministrat mil-laħam u x-xitan, u hi l-fortizza ta’ Satana, fejn jissajja għal kulħadd; u li minnha jġerraħ ġmiegħi kbar, u fatalment jinfed ħafna minnhom bil-vleġeġ tad-disprament u sigurta’ fihom infushom;

– li tagħmel ‘l Alla l-awtur tad-dnub, inġust, tiranniku, u ipokritu; li mhi xejn ħlief Stoiċiżmu, Manikejiżmu, Libertiniżmu u Mawmettaniżmu interpolat;

– li tirrendi l-bnedmin karnalment sikuri, peress li biha huma persważi li xejn ma jista’ jfixkel is-salvazzjoni tal-magħżulin, jgħixu kif jgħixu; u għalhekk jistgħu faċilment u bla ebda periklu jikkommettu delitti l-iżjed atroċi; u li mill-banda l-oħra, jekk ir-reprobati jwettqu verament l-opri kollha tal-qaddisin, l-ubbidjenza tagħhom ma tikkontribwixxi xejn affattu għas-salvazzjoni tagħhom;

– li din l-istess dottrina tgħallem li Alla, b’sempliċi att arbitrarju tar-rieda tiegħu, mingħajr l-iċken kas jew konsiderazzjoni ta’ kwalunkwe dnub, ippredestina l-ikbar parti tad-dinja għad-dannazzjoni eterna; u ħalaqhom għal dan l-istess għan; li bl-istess mod kif l-għażla hi l-funtana u l-kawża tal-fidi u l-opri tajba, ir-reprobazzjoni hi l-kawża ta’ l-inkredulita’ u n-nuqqas ta’ reverenza;

– li bosta trabi tal-fidili huma maħtufa, bla ħtija, minn ħobb ommhom, u tirannikament mixħuta fl-infern, hekk li d-demm ta’ Kristu u t-talb tal-knisja ma jiswielhom xejn.

Ma’ dawn nistgħu nżidu ħafna xiljiet oħra ta’ l-istess xorta, li l-knejjes Riformisti mhux biss ma jirrikonoxxux, iżda saħansitra jidditestaw minn qalbhom.

Għaldaqstant dan is-Sinodu ta’ Dordrecht, f’isem il-Mulej, isejjaħ bi ħrara lil dawk kollha li b’devozzjoni jinvokaw isem is-Salvatur tagħna Ġesu’ Kristu, biex jifformaw il-ġudizzju tagħhom dwar il-fidi tal-knejjes Riformisti, mhux mill-kalunnji li minn kull naħa huma mormija bil-gzuz fuqhom, lanqas mill-espressjonijiet privati ta’ xi wħud fost l-għalliema moderni kif ukoll ta’ l-antik (sikwit kwotati b’diżonesta’, jew korrotti, jew mgħawwġa biex jirrendu tifsira barranija għall-intenzjoni tagħhom), imma mill-istqarrijiet pubbliċi tal-knejjes infushom, u mid-dikjarazzjoni tad-dottrina ortodossa, ikkonfermata mill-kunsens unanimu ta’ kull membru fis-Sinodu kollu.

Barra minn hekk, is-Sinodu jwissi l-kalunnjaturi nfushom ħalli jqisu l-ġudizzju terribbli t’Alla merfugħ għal dawk li jagħtu xhieda falza kontra l-istqarrijiet ta’ daqstant knejjes, għal dawk li jħabbtu l-kuxjenzi tad-debboli, u jfittxu jippreġudikaw l-imħuħ kontra x-xirka ta’ fidili veri.

Finalment, dan is-Sinodu jeżorta lill-aħwa kollha fl-evanġelju ta’ Kristu biex jikkondottaw lilhom infushom bi tjieba u reverenza fejn tidħol din id-dottrina, kemm fl-istituzzjonijiet akkademiċi kif ukoll fil-knejjes; biex jidderiġuha, bid-diskors u l-kitba, għas-sebħ ta’ l-Isem Divin, għall-qdusija fil-ħajja, u l-faraġ ta’ rwieħ ansjużi; biex jirregolaw, bl-Iskrittura, skond l-analoġija tal-fidi, mhux biss is-sentimenti tagħhom, iżda wkoll ilsienhom; u biex jastjienu milli jużaw frażijiet li jeċċiedu l-limiti li jeħtieġ ikunu osservati fl-iżgurar tas-sens ġenwin ta’ l-Iskritturi mqaddsa, ħalli hekk ma jfornux lis-sofisti insolenti bi skuża ġusta biex jassaltaw vjolentament jew saħansitra jivvilifikaw id-dottrina tal-knejjes Riformisti.

Ħa jogħġbu Ġesu’ Kristu, Bin Alla, li, bil-qiegħda fuq il-leminija tal-Missier, jagħti doni lill-bnedmin, iqaddisna fil-verita’, iressaq lejn il-verita’ lil dawk li jiżbaljaw, isikket fomm in-nies li jikkalunjaw dottrina b’saħħitha, u jagħni lill-ministri fidili ta’ Kelmtu bl-ispirtu ta’ l-għerf u d-diskrezzjoni, biex id-diskors kollu tagħhom iwassal għall-glorja t’Alla, u l-edifikazzjoni tas-semmiegħa. Amen.

Niċċertifikaw li din hi l-fidi u d-deċiżjoni tagħna billi nniżżlu isimna.

(Hawnhekk jidhru l-ismijiet, mhux biss tal-President, l-Assistent President, is-Segretarji tas-Sinodu, u l-Professuri tat-Teoloġija fil-Knejjes Olandiżi, imma wkoll tal-Membri deputati lis-Sinodu, bħala r-Rappreżentanti tal-Knejjes rispettivi tagħhom, jiġifieri, tad-Delegati mill-Gran Brittanja, il-Palatinat Elettorali, Hessia, l-Isvizzera, Wetteraw, – ir-Repubblika u l-Knisja ta’ Ġinevra, – ir-Repubblika u l-Knisja ta’ Bremen, – ir-Repubblika u l-Knisja ta’ Emden, – id-Dukat ta’ Gelderland u ta’ Zutphen, – l-Olanda tan-Nofisnhar, – l-Olanda tat-Tramuntana, – Zeeland, – il-Provinċja ta’ Utrecht, – Friesland, – Transylvania, – l-Istat ta’ Groningen u Omland, – Drent, – il-Knejjes Franċiżi.)

Fis-seklu 17 ħames veritajiet kbar, formulati minn suċċessuri tar-Riformisti fis-Sinodu ta’ Dort biex jopponu kompromess u tluq serju mill-Evanġelju, intrabtu ma’ l-isem tar-Reformista Ġinevrin li kien miet nofs seklu qabel. Għall-ewwel it-tikketta ‘Kalviniżmu’ kienet tattika propagandistika minn naħa ta’ l-avversarji, imma billi d-difensuri tal-Fidi miksuba mir-Riforma għarfu li setgħet tkun imsejjħa b’isem ieħor, waslu biex aċċettaw it-terminu bħala referenza għal dawk id-dottrini li jqiegħdu lill-bniedem f’dipendenza sħiħa fuq il-grazzja sovrana u ħielsa t’Alla għas-salvazzjoni.

F’dan il-ktejjeb insibu għall-ewwel darba fl-ilsien Malti l-espożizzjoni oriġinali tas-Sinodu li kien tlaqqa’ fl-Olanda fl-1618-19. Spurgeon, il-predikatur Ingliż, ikkummenta dwar dawn il-ħames punti hekk: “Il-verita’ qadima li priedka Kalvinu, li priedka Wistin, li priedka Pawlu, hi l-verita’ li jeħtieġli nippriedka llum, jew inkella nittradixxi lill-kuxjenza tiegħi u ‘l Alla tiegħi. Ma nistax insawwar il-verita’. Ma nafx x’jiġifieri nillima l-kantunieri raffi ta’ xi dottrina … Inħobb nipproklama dawn id-dottrini antiki u qawwija mlaqqma Kalviniżmu, imma li ċertament u verament huma l-verita’ rivelata t’Alla kif inhi fi Kristu Ġesu.’”

Copied by permission.

Traduzzjoni ta’ Paul Mizzi. Il-jeddijiet kollha mizmuma.
Ebda parti minn dan il-ktieb ma tista’ tigi riprodotta f’xi forma
minghajr il-permess bil-miktub tat-traduttur (http://www.tecmalta.org/).

Għal aktar kitbiet bil-Malti ikklikkja hawn.

Per risorse in italiano, clicca qui.

Show Buttons
Hide Buttons